Lokali Qorti

Ray Ferris meħlus minn kull akkuża b’rabta mal-iskandlu taż-żejt

Dak li kien il-Projects Officer tal-Enemalta, Ray Ferris, inħeles minn kull akkuża b’rabta mal-iskandlu taż-żejt. Hu kien qed jiġi akkużat b’korruzzjoni u frodi.

Ferris inħeles minn kull akkuża wara deċiżjoni tal-Qorti f’sentenza li ngħatat ilbieraħ mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.

Meta ressqet il-każ, il-prosekuzzjoni qalet li Ray Ferris kien aċċetta rigali biex jinfluwenza lill-bord tal-aġudikazzjoni tal-Unit tal-Privatizazzjoni. Fost ir-rigali li l-prosekuzzjoni kienet qed tgħid li Ferris aċċetta kien hemm ornamenti tal-fidda.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li l-verżjoni tal-fatti kif ingħataw minn Ray Ferris kienu aktar kredibbli minn dawk ta’ George Farrugia, in-negozjant taż-żejt li kien ingħata maħfra Presidenzjali biex jikxef dettalji dwar dan il-każ.

Ray Ferris kien qed jiġi akkużat b’korruzzjoni u frodi wara xhieda li kien ta George Farrugia. Fost l-oħrajn, Farrugia kien qal li Ray Ferris talbu €40,000 sabiex il-Petroleum Division tingħata lill-kumpanija tal-familja ta’ George Farrugia, PowerPlan, u li kien tah numru ta’ oġġetti tal-fidda.

Ray Ferris madanakollu kien ċaħad li talab il-flus, iżda qal li l-ornamenti tal-fidda tpartu ma’ platt tal-fidda. Meta kien beda jinstema’ l-każ lura f’Marzu tal-2013, Raymond Ferris kien qal li l-platt tal-fidda kien ġabu minn ‘Azzopardi Jewellers’ bi tpartit ma’ oġġetti tal-fidda li kien irċieva mingħand George Farrugia.

Il-każ ta’ Ray Ferris filfatt kien beda meta kienet saret l-allegazzjoni li talab platt tal-fidda, u dan billi jinfluwenza tender favur George Farrugia.

Fil-Qorti, numru ta’ uffiċjali pubbliċi involuti fil-proċess tal-privtaizazzjoni tal-Petroleum Division tal-Enemalta ċaħdu li qatt ingħataw rigali minn Ray Ferris, jew tpoġġew taħt pressjoni biex jinfluwenza d-deċiżjoni tagħhom.

F’Mejju tas-sena li għaddiet, l-eks Chairman tal-Enemalta Alex Tranter kien qal fil-Qorti li qatt ma kellu dubju dwar l-integrita’ ta’ Ray Ferris u li bħala Chairman qatt ma rċieva ilmenti dwar Ferris. Anke’ f’xhieda fil-Qorti li kienet ingħatat minn Ivan Falzon, accountat li kien jifforma parti mill-bord tal-aġudikazzjoni tal-Unit tal-Privatizazzjoni, qal li qatt ma kien hemm ilmenti fil-konfront ta’ Ferris.