L-investigaturi Pakistani wettqu numru ta’ rejds fuq kumpanija akkużata bit-tmexxija ta’ imperu globali li jipproduċi ‘degrees’ foloz. F’dawn l-azzjonijiet kienu kkonfiskati l-kompjuters, u l-awtoritajiet żammew lil xi ħaddiema u interrogawhom.
F’nofs l-iskandlu hemm il-kumpanija Axact, tmexxi mijiet ta’ websajts għal universitajiet li fil-verità ma jeżistux (ritratt) u li fost l-oħrajn kienet tħallas lill-atturi għall-videos promozzjonali.
Dan hu parti minn skema qarrieqa u elaborata li, kull sena, iġġenerat għexieren ta’ miljuni ta’ dollari.
L-uffiċjali tal-Aġenzija għall-Investigazzjoni Federali Pakistani (FIA) daħlu fil-kwartieri ta’ din il-kumpanija fil-belt ta’ Karachi, u ħatfu t-tagħmir u r-rekords minbarra li keċċew lill-impjegati mill-bini.
Sadanittant, ingħalaq l-uffiċċju tal-kumpanija f’Rawalpindi, u l-impjegati tal-post kienu interrogati fl-istess sit.
L-awtoritajiet tal-Fergħa tas-Cyber Crime tal-FIA għadhom qed jiġbru l-provi u d-direttur ġenerali tal-aġenzija għandu joħroġ id-dettalji kollha tar-rejds ladarba l-proċess ikun komplut.
L-azzjonijiet ittieħdu ftit wara li l-Ministru tal-Intern Pakistani, Chaudhry Nisar Ali Khan, qal lill-aġenzija biex tinvestiga jekk il-kumpanija inkwistjoni hix involuta f’aġir illegali li kapaċi jtappan ir-reputazzjoni tal-Pakistan f’għajnejn id-dinja.
Intant, ir-rapport tan-New York Times – li kkwota eksħaddiema u analizza aktar minn 370 websajt ta’ universitajiet, entitajiet tal-akkreditazzjoni u istituzzjonijiet oħrajn foloz – qajjem mewġa kritika fuq il-midja soċjali, anki waqt li l-kumpanija Axact ċaħdet li għamlet xi ħaġa ħażina.
L-artiklu fin-New York Times irrefera għal klijenti mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Emirati Għarab li ħallsu somom ta’ flus li jvarjaw minn eluf għal mijiet ta’ eluf ta’ dollari għad-degrees tagħhom – bi wħud mill-klijenti jemmnu li kienu qed jittrattaw ma’ universitajiet ġenwini u li f’qasir żmien huma kellhom jirċievu l-materjal għall-korsijiet minn dawk l-entitajiet.
Rejds fuq kumpanija li pproduċiet ‘degrees’ foloz
