Żewġ żgħażagħ Libjani, ta’ 19 u 22 sena, ġew arrestati u tressqu l-Qorti akkużati li fl-aħħar jiem serqu żewġ nisa wara li aggredewhom b’sikkina fil-Gżira.
Iż-żgħażagħ, li ġew individwati wara investigazzjoni tal-Pulizija tad-Distrett u tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, wettqu r-reat flimkien ma’ żagħżugħ ieħor ta’ 15-il sena li kien arrestat ilbieraħ.
Is-serqa seħħet l-Erbgħa fit-3:55 fi Triq il-Ġnien, fil-Gżira meta ż-żgħażagħ żammew kontra r-rieda tagħhom mara ta’ 41 sena u oħra ta’ 68 sena. Waħda min-nisa sofriet ġrieħi ħfief.
Mir-residenza tan-nisa nsterqu żewġ skieken, mobile, €50 fi flus kontanti u sett ċwievet, fosthom ta’ karozza Peogeot 306 li ħarbu biha mill-post.
Iż-żgħażagħ tressqu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużati wkoll li wettqu reat waqt li kienu taħt probation. Huma ċaħdu l-akkużi imma nżammew arrestati.
//= $special ?>