Fir-Renju Unit seħħ inċident mhux tas-soltu meta mara li kienet qed issuq karozza tat-tip Porsche tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla, bil-vettura f’kollox, fil-vetrina ta’ kafeterija fl-inħawi ta’ Buckinghamshire.
L-inċident seħħ f’ħin meta l-istabbiliment kien ippakkjat bin-nies, bir-rapporti jgħidu li talanqas tlett persuni kellhom ikunu trattati għall-ġrieħi ħfief li ġarrbu.
Issejħu fuq il-post is-servizzi tal-emerġenza biex jgħinu lis-sewwieqa u żewġ persuni li kienu bil-qiegħda fl-istabbiliment – li jismu ‘Caffe Nero’ – u li spiċċaw f’sitwazzjoni ‘fejn ma setgħux jiċċaqalqu’. Dan wara li l-Porsche kien żgiċċa mit-triq u faqa’ l-vetrina kbira tal-kafeterija fost il-kaos u l-pandemonju sussegwenti.
Aktar tard kien ikkonfermat li l-mara li kienet qed issuq il-Porsche kienet meħlusa mill-fdalijiet tal-karozza qabel il-paramediċi trattawha għall-ġrieħi ħfief li ġarrbet.
//= $special ?>