“Joseph Muscat jinsab dahru mal-ħajt wara d-deċiżjoni skandaluża li jħalli spekulaturi tal-Ġordan jibni f’żona protetta u verġni fiż-Żonqor. Wara li għaqqad moviment kontrieh, issa Muscat ried jiddevja l-attenzjoni u beda jixħet it-tajn dwar l-Isptar Mater Dei.”
Kienet din ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista wara li l-Gvern Laburista organizza żjara f’bini li qed isir biswit l-emerġenza l-Isptar Mater Dei fejn il-Ministru Konrad Mizzi għamel allegazzjonijiet fuq l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Brian St. John u insinwa li kien hemm xi dokumenti li nzammu mohbija.
Dawn l-allegazzjonijiet kienu miċħuda kategorikament anke’ mill-istess Brian St. John li fi stqarrija oħra sejjaħ dawn l-allegazzjonijiet bħala infondati u malizzjużi, intiżi biss biex iħammġu r-reputazzjoni tiegħu.
“Ir-rekord tiegħi fit-tmexxija tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi jitkellem waħdu u dejjem imxejt minn prinċipji ta’ etika u governanza tajba,” stqarr St. John.
Filfatt ir-rapport Arup, ikkummissjonat mill-Gvern stess, ta ċerifikat nadif lill-Isptar tal-Onkoloġija fi ħdan l-Isptar Mater Dei, li kien diżinjat u mibni fi żmien it-tmexxija tiegħu.
Fl-istqarrija tiegħu, Brian St. John qal li anke’ l-kronoloġija tal-fatti tgiddeb dak li qal Konrad Mizzi għaliex hu rriżenja mill-FMS f’Mejju tal-2014, meta l-inkjesta dwar il-kwalita’ tal-konkrit f’Mater Dei bdiet f’Settembru, erba’ xhur wara.
Filwaqt li għamilha ċara li qatt ma ħeba informazzjoni minn ħadd, u qatt ma żamm għandu ċ-ċwievet ta’ kwalunkwe’ safe tal-FMS, Brian St. John iddikjara li se jirriserva kull drit għal azzjoni legali.
Din hija t-tieni darba li l-Ministru Konrad Mizzi għażel li jitfa’ t-tajn fuq l-avversarju politiku għaliex il-Gvern tiegħu jkun dahru mal-ħajt.
Diġà għamel hekk mad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino meta hu stess kien dahru mal-ħajt għaliex falla li jibni powerstation f’sentejn, kif kien wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi.
“Joseph Muscat u Konrad Mizzi mhuma jikkonvinċu lil ħadd,” temm jghid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>