Steve Bradley minn Lancashire baqa’ sorpriż meta, waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fil-ġnien tiegħu, għadda minn fuqu ajruplan militari Russu jtir fil-baxx.
Bradley qabad il-camera tar-ritratti tiegħu u ħa numru ta’ ritratti. Fittex id-dettalji tal-ajruplan fuq l-internet u kkonferma li kien ajruplan Antonov An-30. Dan kien l-aħħar ajruplan militari Russu li tar mill-ispazju tal-ajru Ingliż wara li iktar kmieni dan ix-xahar, żewġ ajruplani militari tar-Royal Air Force kellhom jintbagħtu biex jeskortaw ’il barra żewġ Bombers Russi.
Ix-xahar li għadda, tliet bastimenti tal-gwerra Russi kienu qed jiġu segwiti mill-qrib huma u jgħaddu mill-kanal tal-Ingilterra.
Il-Ministeru tad-Difiża kkonferma l-preżenza tal-ajruplan militari Russu li kellu l-permess itir minn fuq ir-Renju Unit skont trattat tal-2002.
Ħafna, fir-Renju Unit, qed jistaqsu kemm hu adegwat li ajruplani ta’ dan it-tip jitħallew itiru minn fuq ir-Renju Unit, inkluż mill-baxx u qrib ħafna ta’ bażijiet militari Ingliżi, meta t-tensjonijiet bejn il-pajjiżi tal-Punent u r-Russja qiegħdin, kull ma jmur, jiżdiedu.
//= $special ?>