Il-Ġiżwiti ħabbru li huma kontra li l-proġett tal-Università ġdida f’Malta jsir fuq art barra miż-Żona ta’ Żvilupp fiż-Żonqor u għalhekk jinqered l-ambjent. Fi stqarrija, il-Provinċjal tal-Ġiżwiti Dr Patrick Magro qal li l-Ġiżwiti jingħaqdu ma’ dawk kollha li jinsistu li għandha tingħata prijorità lill-kwalità tal-ħajja li tħares is-saħħa tal-familji Maltin u tipproteġi l-ambjent naturali fuq kull opportunità ta’ qligħ ta’ malajr, kemm fin-nofsinhar ta’ Malta, kif ukoll fi bnadi oħra.
Magro qal li filwaqt li jinkoraġġixxu aktar investiment iffukat u għaqli fl-Edukazzjoni taż-żgħażagħ Maltin, kif ukoll il-ħolqien ta’ opportunitajiet tal-impjieg sostenibbli issa u ‘l quddiem, il-Ġiżwiti jistaqsu min tassew se jiggwadanja minn din l-“American University of Malta“. Appellaw biex il-Gvern Malti jalloka fondi għall-bżonnijiet urġenti fil-qasam tal-Edukazzjoni, biex jiżgura li l-ebda tifel jew persuna żagħżugħa ma jitħallew jaqgħu lura. Barra minhekk, talbu lill-Gvern iħares l-ispazji naturali fil-beraħ, li huma essenzjali għas-saħħa u għall-ħajja tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Il-Ġiżwiti nnotaw b’diżappunt li Università Kattolika fl-Istati Uniti fasslet Kurrikulu għal dan il-proġett għax, fil-fehma tal-Ġiżwiti, organizzazzjoni Kattolika m’għandiex tkun assoċjata ma’ proġett li skont huma ftit li xejn juri rispett għal medda art naturali kbira u mill-aqwa fuq il-kosta tan-nofsinhar ta’ Malta.
//= $special ?>