“Il-Gvern jidher li għadu deċiż li jaqla’ lill-bdiewa mill-għelieqi tagħhom u jordomhom bil-konkrit. Kont qed nistenna li tinbidel id-deċiżjoni”. Dan kitbitu d-Deputata Laburista Marlene Farrugia fuq Facebook, fejn esprimiet id-diżappunt tagħha li l-Gvern qed ikompli jinjora l-kritika u jimxi mal-pjan oriġinali tiegħu li jbigħ art ta’ importanza ekoloġika u agrikola fiż-Żonqor lill-investituri mill-Ġordan.
Il-kummenti ta’ Marlene Farrugia waslu wara li lbieraħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-għelieqi li se jittieħdu lill-bdiewa biex tinbena Università ġdida tintuża’ biss għas-silla. Qal ukoll li 1% biss tal-għelieqi li se jinqerdu f’dan il-proġett huma użati għall-ħaxix u frott, li minnu jaqilgħu l-għajxien tagħhom il-familji.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, minflok iffoka fuq siti alternattivi li ġew proposti għal din l-Università ġdida, il-Prim Ministru Muscat kien aktar iffukat fuq postijiet fejn minflok jistgħu jintbagħtu l-bdiewa.
Min-naħa tagħhom, il-bdiewa ċaħdu dak li qal Muscat. F’kummenti lill-ġurnal The Malta Independent, il-bdiewa sostnew li mhux veru li 1% biss tal-art li se tittieħed għal dan l-iżvilupp hi art agrikola. Il-bdiewa sostnew li dak li qal Muscat mhux minnu għax parti kbira minn din iż-żona tintuża’ biex titkabbar il-patata.
//= $special ?>