Ilejla se tkun qed tiġi organizzata l-ewwel edizzjoni ta’ Valletta Sports Awards organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fuq inizjattiva u ko-ordinazzjoni tal-Viċi Sindku tal-Belt Valletta, Christian Micallef.
F’din l-attività li se ssir fi Pjazza Teatru Rjal fit-8:30pm, se jkun hemm għaxar kategoriji differenti fejn fost oħrajn se jkunu qed jiġu ppremjati l-aħjar sportiv u l-aħjar sportiva fil-Belt Valletta matul is-sena 2014. F’kummenti li ta Micallef lil dan is-sit, hu qal li l-Kunsill Lokali rċieva rispons kbir għal din l-attività u l-iskop wara din is-serata ta’ premjazzjoni hu sabiex l-isportivi Beltin, mhux biss atleti iżda anke uffiċjali ta’ kumitat u referees f’dixxiplini sportivi differenti, jkunu ppremjati għax-xogħol li jagħmlu matul is-sena.
Micallef qal ukoll li llejla l-Kunsill Lokali se jkun qed jagħti rikonoxximent lil klabb partikolari kif ukoll żewġ personalitajiet Beltin li matul il-karriera tagħhom ħadmu ħafna biex ikkontribwixxew lejn l-isport fil-Belt Valletta.
Il-Viċi Sindku rringrazzja lis-Sindku Prof. Alexiei Dingli għall-appoġġ tiegħu kif ukoll lill-bqija tal-kunsilliera l-oħra tal-Kunsill Lokali, flimkien mas-Segretarja Eżekuttiva, Towns Manager u ħaddiema tal-Kunsill Lokali li kollha flimkien ħadmu biex ilejla se tkun qed tiġi organizzata din is-serata. Valletta Sports Awards se tkun qed tiġi ppreżentata minn żewġ Beltin; Alfred Zammit u Mireille Bonello u l-pubbliku hu mħeġġeġ li jattendi b’xejn għal din l-attività hekk kif il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ħa ħsieb li jiftaħ it-teatru għal kulħadd.
//= $special ?>