Fl-10am ingħata bidu għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema “Inkomplu Nagħmlu Differenza”, li jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd filgħodu. Dan il-Kunsill Ġenerali għandu l-għan li l-Partit Nazzjonalista jkompli bil-proċess ta’ tiġdid.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet biex jagħti bidu għall-Kunsill Ġenerali li jinkludi wkoll il-votazzjoni għat-18-il membru ġdid tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit, li għall-ewwel darba minn din is-sena jridu jintgħażlu disa’ rġiel u disa’ nisa.
B’kollox, għal din l-elezzjoni interna, hemm 23 Kandidat raġel u 18-il Kandidat mara. Barra minhekk, qed issir ukoll l-elezzjoni biex tiġi kkonfermata Paula Mifsud Bonnici bħala l-President tal-Kunsill Ġenerali. L-elezzjonijiet se jwasslu biex fit-3 ta’ Ġunju ssir l-elezzjoni għall-Uffiċjali tal-Partit, biex jinħatru s-Segretarju Ġenerali, il-President tal-Kunsill Aministrattiv, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv, is-Segretarju Internazzjonali, it-Teżorier u l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
In-nomini għal dawn il-karigi se jiftħu għada s-Sibt u jagħlqu l-Ħamis li ġej.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit qed ikompli jaħdem biex ikun gvern alternattiv. Parti minn dan il-proċess jinkludi r-rwol tan-nisa fil-politika, li Simon Busuttil qal li permezz tagħhom ikun hemm aktar ideat differenti. Bl-istil ġdid ta’ politika, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jaħdem biex ikompli jagħmel differenza, ibbażata fuq il-verità.
Il-Kunsill Ġenerali jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd, bid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Waranofsinhar, MaltaRightNow.com se jniedi servizz speċjali bl-aħħar aġġornamenti mid-Dar Ċentrali.
//= $special ?>