Żewġ federazzjonijiet tal-ġurnalisti appellaw biex il-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev jeħles mill-aktar fis lis-seba’ ġurnalisti li qed jinżammu l-ħabs f’pajjiżu. L-istess federazzjonijiet – l-International Federation of Journalists (IFJ) u l-European Federation of Journalists (EFJ) – sostnew li l-Ażerbajġan żviluppa reputazzjoni bħala wieħed mill-aktar pajjiżi disposti li jiċħdu lill-ġurnalisti mil-libertà.
Fl-aħħar 12-il xahar, numru sostanzjali ta’ ġurnalisti u attivisti favur id-drittijiet umani spiċċaw vittmi tal-kampanja tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan, intiża biex toħnoq kull tip ta’ kritika. Dan fi żmien meta l-pajjiż qed iħejji biex għall-ewwel darba fl-istorja x-xahar id-dieħel jorganizza l-Olimpjadi Ewropej.
Il-ġurnalisti li qed jinżammu l-ħabs fl-Ażerbajġan huma Nijat Aliyev, Araz Guliyev, Parviz Hashimli, Seymur Hazi, Khadiya Ismayilova, Hilal Mamedov u Rauf Mirkadyrov. Intant, Aliyev u Guliyev ilhom arrestati mill-2012.
Jim Boumelha, il-President tal-IFJ, qal li l-federazzjoni tiegħu hi allarmata bl-iskala tal-attakki kontra l-istampa ħielsa fl-Ażerbajġan, li hu membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Boumelha ħeġġeġ biex il-Gvern ta’ Aliyev jirrispetta l-prinċipji tiegħu dwar l-espressjoni ħielsa kif imfassla fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani filwaqt li appella għall-ħelsien tal-ġurnalisti, kollegi, mingħajr kundizzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-EFJ, Mogens Blicher Bjerregard, irrefera għar-rekord ħażin tal-Ażerbajġan fejn jidħlu d-drittijiet tal-istampa. Hu esprima l-inkwiet li l-ġurnalisti li, fil-ġimgħat li ġejjin, se jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż biex jirrappurtaw dwar l-Olimpjadi Ewropej, jiffaċċjaw restrizzjonijiet u ċensura.
Bjerregard, f’isem l-EFJ, wissa lill-ġurnalisti barranin biex ikunu ferm kawti u attenti waqt ir-rappurtaġġ tal-Olimpjadi f’Baku. Dan waqt li ħeġġeġ lill-Gvern Ażeri biex jaċċerta li l-ġurnalisti minn dak il-pajjiż u oħrajn barranin jeżerċitaw id-dritt tal-espressjoni ħielsa waqt li jitħallew imexxu l-attivitajiet ġurnalistiċi tagħhom b’mod ħieles u indipendenti.
//= $special ?>