Il-militanti tal-ISIS ħatfu l-aħħar aċċess bejn is-Sirja u l-Iraq li sa ftit ilu kien ikkontrollat mill-Gvern Sirjan. Dan waqt li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan dehru qed jirtiraw mill-inħawi ta’ al-Tanf quddiem l-avvanzi tal-ġiħadisti.
It-telfa ta’ al-Tanf lill-ISIS issegwi d-disfatta kbira ta’ nhar il-Ħamis, fejn il-militanti Iżlamiċi ħadu r-riedni fil-belt antika Sirjana ta’ Palmyra li tinkludi siti storiċi mill-aktar importanti għall-umanità.
In-Nazzjonijiet Uniti, sadanittant, esprimiet tħassib dwar ir-rapporti li l-qawwiet Sirjani f’Palmyra kienu żammew liċ-ċivili milli jitilqu mill-inħawi qabel din il-belt spiċċat f’idejn l-ISIS. In-NU hi preokkupata bil-kbir dwar x’sar miċ-ċivili li baqgħu f’Palmyra fost rapporti li l-ISIS jinsabu għaddejjin bl-eżekuzzjonijiet tar-residenti.
L-ISIS ħadu f’idejhom ukoll is-sit iddikjarat mill-UNESCO bħala zona għall-Patrimonju Dinji fost l-inkwiet dwar xi jsir minnu taħt idejn il-ġiħadisti li qabel, kienu qerdu siti antiki simili li kienu ilhom minn qabel l-Iżlam.
L-ISIS, fil-preżent, qed jikkontrolla aktar minn 50 fil-mija tas-Sirja, fejn, fost oħrajn, qed jiddominaw il-provinċji ta’ Deir al-Zour u Raqqa. Huma għandhom ukoll preżenza qawwija f’Hasakeh, Aleppo, Homs u Hama.
Minbarra dan, l-ISIS għamel ukoll kisbiet sinifikanti fl-Iraq, bl-osservaturi jtennu li l-ġiħadisti mhumiex kuntenti li sempliċiment jieqfu u jiċċelebraw l-aħħar suċċessi militari. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet huma li l-ISIS iridu jkomplu javvanzaw u jaħtfu aktar artijiet fis-Sirja u l-Iraq.
Il-ħtif ta’ al-Tanf, fil-provinċja Sirjana ta’ Homs, jippermetti biex il-grupp ISIS jiżviluppa konnessjoni aktar diretta bejn iz-zoni li jikkontrolla fiċ-ċentru u l-Lvant tas-Sirja u t-territorju li ħataf fil-provinċja ta’ Anbar, fl-Iraq.
Il-Viċi Prim Ministru Iraqi, Saleh al-Mutlaq, wissa li l-battalja mal-ISIS m’għadhiex ħaġa lokali u appella għal azzjoni mill-komunità internazzjonali. Intant, l-Istati Uniti u l-imsieħba fil-koalizzjoni li qed tmexxi komplew bl-attakki mill-ajru fuq l-ISIS fl-Iraq u s-Sirja.
Filwaqt li Washington fisser l-aħħar suċċessi militari tal-ISIS bħala disfatta għall-qawwiet tal-koalizzjoni, il-President Amerikan, Barack Obama, insista li l-Istati Uniti mhix qed titlef din il-gwerra mal-ISIS.
//= $special ?>