Edukazzjoni Lokali

L-Oppożizzjoni b’emendi għall-Avviż Legali dawr l-Istitut għall-Edukazzjoni

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet żewġ emendi għall-Avviż Legali li jipprovdi t-twaqqif tal-Istitut għall-Edukazzjoni. L-emendi ġew ippreżentati lid-Deputat Speaker Ċensu Galea, fin-nuqqas tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, mill-Whip David Agius u mill-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Edukazzjoni Bikrija George Pullicino.

Fl-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni, hemm propost li għandu jkun hemm rappreżentant nominat mill-Iskejjel tal-Knisja u ieħor mill-Iskejjel Indipendenti fil-Bord ta’ dan l-Istitut u mhux kif inhu fl-Avviż Legali preżenti. Skont l-Avviż Legali li ħareġ, il-Gvern irid li jkun hemm persuna waħda nominata mis-settur edukattiv mhux tal-Istat, bl-Oppożizzjoni Nazzjonalista tibża’ li l-Gvern qed joħloq preċedent ikrah li jaf jirrepetih f’każi oħra aktar ‘il quddiem.

Il-Vici Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi wkoll li jekk il-Gvern jemmen fil-kontinwazzjoni fis-settur edukattiv, l-Oppożizzjoni għandu jkollha d-dritt li tinnomina persuna fuq il-Bord tal-Istitut għall-Edukazzjoni. B’hekk, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni, nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni, jkun jista’ jsegwi dak li jkun għaddej u jagħti l-kontribut tiegħu.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni qalu li għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed turi bil-fatti li trid tipparteċipa bis-sħiħ fit-tisħiħ tal-qasam edukattiv f’pajjiżna ħalli jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi l-ġodda tal-Edukazzjoni.