Futbol Sport

Luís Oliveira wieħed mill-kowċis possibbli għal Floriana

L-eks attakkant internazzjonali tal-Belġju Luís Airton Barroso Oliveira hu wieħed mill-kowċis possibbli li jistgħu jmexxu lil Floriana matul l-istaġun li ġej.

Oliveira, li llum għandu 46 sena, beda l-karriera ta’ plejer fil-Belġju stess, ma’ Anderlecht fejn qatta’ seba’ snin, lagħab 95 logħba u skurja 36 gowl. Wara hu mexa’ lejn l-Italja fejn lagħab ma’ Cagliari, Fiorentina, Bologna, Como, Catania, Foggia, Venezia, Lucchese, Nuorese, Derthona u Muravera.

L-eks plejer tat-tim nazzjonali tal-Belġju, li man-nazzjonal lagħab 31 logħba u skurja 7 gowls, beda jikkowċja lil Muravera meta kien għadu plejer tagħhom stess fl-aħħar xhur tal-istaġun 2009/10.

Din l-esperjenza laqtitu tant li filwaqt li kompla biss bħala plejer tal-klabb, beda jsitudja l-kowċing, ġab liċenza Category 2 u rritorna ma’ Muravera bħala kowċ għall-aħħar erba’ logħbiet tal-kampjonat. Hu kien ikkonfermat anke’ għall-istaġun ta’ wara u rebaħ il-Coppa Italia Eccellenza.

Fl-1 t’Awwissu 2014 hu laħaq kowċ tal-klabb tal-Lega Pro, Pro Patria, imma tneħħa mill-kariga fl-4 ta’ Novembru li għadda wara li fi ħdax-il logħba l-klabb rebaħ biss waħda u kiseb ħames draws u ħames telfiet.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).