Ambjent Lokali

Muscat għandu jieqaf jgħadi lin-nies biż-żmien – Simon Busuttil

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieqaf jgħaddi lin-nies biż-żmien rigward il-proġett li qal li se jagħmel fiż-Żonqor f’Marsaskala. Muscat għandu jgħid x’inhuma l-intenzjonijet veri tiegħu għal dan il-proġett.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta mistoqsi mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet. Simon Busuttil qal li kull darba li jitkellem dwar dan il-proġett, il-Prim Ministru jbiddel il-verżjoni tiegħu skont in-nies li jkollu quddiemu dak il-ħin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jispjega kif il-Prim Ministru rnexxielu jibni moviment kontra proġett li jrid jagħmel f’żona li ma jistax isir żvilupp fiha.

Il-Viċi Sindku Laburista ta’ Marsaskala, l-għaqdiet ambjentali, il-kaċċaturi, l-Arċisqof, il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja, l-istudenti f’44 għaqda differenti, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-Lecturers, l-Avukati, il-bdiewa u d-Deputat Laburista Marlene Farrugia huma kollha kontra li tinbena Università Amerikana fiż-Żonqor.