Internazzjonali

Terremot jolqot l-inħawi ta’ Kent fir-Renju Unit

Terremot li laqat l-inħawi ta’ Kent fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa rreġistra 4.2 fuq l-Iskala Richter, iżda hu mifhum li ma weġġa’ ħadd. Intant, it-theżżiż tal-art riegħed diversi binjiet minbarra li nħass ukoll f’numru ta’ zoni fosthom Ramsgate.

Ħafna nies esprimew l-ansjetà tagħhom waqt sensiela twila ta’ telefonati lill-pulizija ta’ Kent, iżda ma daħlux rapporti ta’ vittmi jew ta’ xi ħsarat strutturali. Madankollu, il-pulizija kellhom jikkollaboraw mal-aġenziji biex jaċċertaw li jipprovdu l-għajnuna u l-appoġġ lir-residenti fi kwalunkwe zona.

L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-epiċentru tat-terremot, li qajjem lil ħafna nies mir-raqda, kien xi seba’ kilometri lejn in-Nofsinhar ta’ Ramsgate. L-art inħasset titheżżeż fl-inħawi ta’ Norwich, North Walsham u Cromer, f’Norfolk, ukoll.