Internazzjonali

Baleni ‘interessati fih’ iduru miegħu f’nofs ta’ baħar

Luke O’Reilly, ta’ 27 sena minn New Zealand, kellu esperjenza mhux tas-soltu meta waqt li kien fuq il-paddleboard tiegħu f’nofs ta’ baħar daru miegħu qatta’ baleni tant li waħda minnhom qorbot lejh ħafna iktar milli stenna.

O’Reilly kien fuq ix-xtajta meta xi nies raw il-baleni, tat-tip orca, jgħumu fil-qrib. Ħareġ apposta bil-board tiegħu u l-camera għax mhux l-ewwel darba li kien għam ma’ dawn it-tip ta’ baleni, magħrufin għad-dehra sewda b’linji bojod.

Imma malli wasal qribhom, is-sitt baleni daru miegħu, għamu taħtu u miegħu, b’waħda minnhom saħansitra tmiss b’munqarha l-board li kien fuqha tant li ħaseb li kien se jilef il-bilanċ imma rnexxielu jirreżisti.

Din il-balena damet ħdejh mal-10 minuti. Lil ġurnal Awstraljan, O’Reilly qallu li l-balena baqgħet tħares lejh imbagħad bil-mod qabdet it-tarf tal-board tiegħu bejn snienha u bħal poġġiet ħdejh. Waqt li qal li ma kienx qed jibża’ dak il-ħin, ammetta li ħass saqajh jirtogħdu u li ħa nifs qawwi malli l-balena telqet minn ħdejh għalkemm ma ħasibx li setgħet weġġgħetu.

B’kollox, għamel madwar nofsiegħa fil-baħar u aktarx ma seta’ jgħinu ħadd, kieku kellu bżonn l-għajnuna, għax ma kien hemm ħadd iktar fil-qrib jew isegwih mix-xtajta. Qal li mhux l-ewwel darba li ltaqa’ fil-qrib ma’ dawn il-baleni u li s-soltu jibqgħu għaddejjin waqt li hu jkun fil-baħar. Din id-darba pero’ dehru interessati fih. Għalkemm hu għandu l-esperjenza u jerġa’ jmur jgħum ma’ dawn it-tip ta’ baleni, qal li mhux tal-parir li persuni oħra jippruvaw jagħmlu dak li għamel hu jekk ma jkunux jafu eżatt x’inhuma jagħmlu.