Lokali

Bdilna l-isfidi f’opportunita’ ta’ tiġdid

Sentejn ilu, wara r-riżultat elettorali, il-Partit Nazzjonalista daħal għall-isfidi li kellu quddiemu b’kuraġġ, enerġija u determinazzjoni u rnexxielu jibdel dawn l-isfidi f’opportunità ta’ tiġdid.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said meta kien qed jindirizza l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ filgħaxija.

F’ħarsa lura lejn dawn l-aħħar sentejn hekk kif ressaq ir-Rapport Amministrattiv quddiem il-Kunsill Ġenerali, Chris Said fakkar li dawn is-sentejn kienu karatterizzati minn tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista – tiġdid li beda mill-ħatra ta’ Simon Busuttil bħala l-Kap tal-Partit, bil-ħatra taż-żewġ Viċi Kapijiet tal-Partit u bil-ħatra ta’ uffiċjali ġodda għall-Partit Nazzjonalista, fosthom anke dik ta’ Segretarju Ġenerli ġdid.

“Dħalt għal din l-isfida konxju li kien hemm sfidi kbar u deċiżjonijiet diffiċli x’jittieħdu. Din kienet esperjenza li mlietni sodisfazzjon” saħaq Chris Said li sellem ukoll lill-uffiċjali kollha li kienu eletti fil-karigi tagħhom sentejn ilu.

Chris Said qal li wara l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kellu quddiemu tliet sfidi ewlenin: il-ħtieġa ta’ ristrutturar tal-organizzazzjoni tal-partit li issa kien fl-oppożizzjoni, l-isfida finanzjarja tal-partit u r-riżultat elettorali.

Biex jirrispondi għall-ewwel sfida ta’ tiġdid fi ħdan l-istrutturi tal-partit, il-Partit Nazzjonalista kompla jinfetaħ b’numru ta’ inizjattivi. Chris Said elenka fost l-oħrajn it-tibdiliet li saru fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista li wasslu biex iktar nies jivvutaw fil-Kunsill Ġenerali u fil-ħatra ta’ Kap u Viċi Kapijiet tal-Partit. Is-Segretarju Ġenerali fakkar ukoll fil-Konvenzjoni Ġenerali li fetħet il-bibien tal-partit għas-soċjetà ċivili, it-tesserati u għal kull min għandu interess li jgħin lill-Partit Nazzjonalista jġedded il-politika tiegħu.

Chris Said irrefera wkoll għal numru ta’ strutturi ġodda li twaqqfu u li komplew jiftħu iktar lill-Partit Nazzjonalista għal iktar parteċipazzjoni. Fost dawn huwa semma l-għaxar Policy Fora li se jkunu qed jgħinu lill-Partit Nazzjonalista biex ifassal viżjoni friska fil-programm elettorali tiegħu. Saret referenza wkoll għall-Kulleġġ tal-Eks Deputati tal-PN, il-Kummissjoni għall-Għażla tal-Kandidati u għall-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex. Is-Segretarju Ġenerali rringrazzja wkoll lill-għadd kbir ta’ voluntieri li jagħtu sehemhom fi ħdan il-VNET u t-twaqqif tal-Uffiċċju KuntattPN li, permezz tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jkun tarka għal min qed isofri minn xi inġustizzja. Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ltaqa’ regolarment darba fil-ġimgħa biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jagħmel differenza anke mill-Oppożizzjoni.

Meta kien qed jitkellem dwar l-isfida finanzjarja, Chris Said qal li kellu quddiemu numru ta’ deċiżjonijiet diffiċli li, iżda, kellhom jittieħdu biex ikun assigurat li l-media tal-PN ma tkomplix titlef il-flus. Huwa qal li bl-impenn ta’ ħafna nies tfassal pjan ċar u serju li wassal biex il-Partit Nazzjonalista jegħleb din l-isfida.

Ir-riżultat elettorali ta’ sentejn ilu wassal biex il-Partit Nazzjonalista jkollu sfida oħra quddiemu – sfida li l-PN wera li ftit ftit beda jirbaħ hekk kif beda jnaqqas id-distakk bejn iż-żewġ partiti. Chris Said fakkar li fl-ewwel test elettorali, l-elezzjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjoanlista laħaq il-mira li jtella’ tliet MEPs iżda r-riżultat kien simili għal dak tal-elezzjoni ġenerali.

Fit-tieni test elettorali, inqas minn għaxar xhur wara, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jnaqqas id-distakk ta’ 17% bin-nofs u kiseb ukoll maġġoranza fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mosta filwaqt li ssaħħaħ ukoll fin-nofsinhar ta’ Malta.

Chris Said irringrazzja lill-kandidati kollha tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u qal li dawk li ma kinux eletti għandhom l-ispazju kollu biex ikomplu jaħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

“Dan ir-riżultat jimliena b’kuraġġ. La lħaqna dawn il-miri, jekk naħdmu flimkien, nistgħu naslu wkoll biex nimxu t-tieni nofs tat-triq” temm il-messaġġ tiegħu is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.