Ambjent Lokali

Bżonn allarmanti ta’ kontroll fuq il-pestiċidi f’Malta

Hemm bżonn ta’ iktar ħidma kontra l-livell ta’ pestiċidi li jintużaw fl-għelieqi u l-ispazji pubbliċi Maltin. Dan qalu John Portelli, kelliem għal Clean Food Movement, li lbieraħ, f’dimostrazzjoni fil-belt Valletta, ħadem biex iqajjem iktar kuxjenza dwar il-livelli ta’ pestiċidi li qed nieklu fl-ikel tagħna.

Il-Clean Food Movement beda b’mixja mill-Palazz tal-President sal-bini tal-Parlament, b’messaġġ ċar favur kontroll iktar strett ta’ dan il-fenomenu.

Hu mifhum li f’pajjiżna jintuża ammont sostanzjali ta’ pestiċida, bil-Moviment jgħid li l-awtoritajiet mhux qed jemfasizzaw biżżejjed fuq l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-pestiċidi. Dan qed iwassal biex joħloq riskju fuq saħħet il-Maltin u jgħodd ukoll għall-ispazzji pubbliċi ta’ pajjiżna.

Filfatt, l-istess għaqda għamlet ukoll stħarriġ mal-Kunsilli Lokali ta’ pajjiżna, fejn staqsiethom dwar kemm jużaw pestiċidi fil-manutenzjoni tal-ispazji pubbliċi.

Filwaqt li kien hemm xi kunsilli lokali li qalu li jużaw mezzi mekkaniċi biex jikkontrollaw il-ħaxix ħażin fil-ġonna madwar Malta u Għawdex, iktar min-nofs il-Kunsilli Lokali ma bagħtux tweġiba lil dan il-moviment, filwaqt li kien hemm numru sostanzjali li ammettew li jagħmlu użu wkoll minn mezzi pestiċidi biex jieħdu ħsieb l-ispazji pubbliċi f’pajjiżna.

Għadu mhux magħruf l-effetti li dawn l-elementi tossiċi qed ikollhom fuq il-fiżiku tagħna, iżda l-istess Moviment ma jeskludix li bosta mill-mard li għandna llum ġej ukoll minn pestiċidi li nieklu fl-ikel tagħna.