Futbol Sport

Fabrizio Miccoli: “Ninsab f’Malta biex inżur xi ħbieb … fosthom Giovanni Tedesco”

L-attakkant internazzjonali Taljan Fabrizio Miccoli jinsab f’pajjiżna u għaddejjin taħdidiet biex dan jingħaqad ma’ Birkirkara F.C.

F’kummenti lil dan is-sit ftit qabel il-bidu tal-finali tal-FA Trophy bejn Birkirkara u Hibernians, Miccoli qal li jinsab f’Malta għall-ewwel darba f’ħajtu biex iżur xi ħbieb. Fost il-ħbieb li semma’ kien hemm l-eks kowċ ta’ Floriana Giovanni Tedesco, li kif żvela Replay ftit tal-jiem ilu, jista’ jkun il-kowċ ġdid ta’ Birkirkara.

Ippressat għal iktar informazzjoni, Miccoli ma tax dettalji u qal biss li l-kuluri aħmar u isfar jogħġbuh għaliex huma wkoll il-kuluri ta’ Lecce u għalhekk se jkun qed iżomm ma’ dawn il-kuluri f’din il-finali.

Miccoli, li għandu 35 sena, beda l-karriera tiegħu fl-akkademja ta’ Milan u lagħab ukoll għal Casarano, Ternana, Juventus, Perugia, Fiorentina, Benfica, Palermo u riċentament anke’ ma’ Lecce.

Fil-livell ta’ nazzjonali, mal-italja Miccoli lagħab għall-iskwadri ta’ taħt it-18 u 21 sena, kif ukoll mal-iskwadra ewlenija.