Internazzjonali

Imfakkar l-anniversarju ta’ Falcone

Illum l-awtoritajiet f’Palermo organizzaw avveniment fl-‘aula bunker’ fejn fakkru t-23 anniversarju tal-qtil tal-Maġistrat, Giovanni Falcone, mill-Mafja.

Falcone qatta’ l-parti kbira ta’ ħajtu professjonali jirreżisti lill-Mafja fi Sqallija u kien protagonista kbir fl-isforzi biex tonqos l-influwenza tal-kriminalita organizzata f’dan ir-reġjun. Intant, il-Kapijiet Mafjużi ħalfu li jeliminawh u fit-23 ta’ Mejju tal-1992, użaw l-isplussivi biex itajjru t-triq, qrib il-belt ta’ Capaci, f’ħin meta kienet għaddejja l-karozza ta’ Falcone.

Dakinar il-maġistrat kien qed jivvjaġġa mill-inħawi bħala parti minn konvoj u miegħu mietu anki martu, Francesca Morvillo, u numru ta’ pulizija.

Intant, il-President Taljan, Sergio Mattarella, mar f’Palermo u qal li l-Istat se jkompli ‘bil-battalja ta’ Falcone’ . Hu anki rrefera b’qima għal protagonista ieħor anti-Mafja – il-Maġistrat Paolo Borsellino, ħabib kbir u kollega ta’ Falcone, li kien inqatel b’karozza-bomba, f’Lulju tal-1992.

Mattarella sostna li Falcone u Borsellino jibqgħu eżempji tal-kuraġġ u s-sens tal-impenn kontra l-kriminalita u qal li s-soċjeta għandha d-dmir li tkompli fil-passi tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia kienu preżenti għaċ-ċerimonja ta’ tifkira f’Palermo.