Internazzjonali

It-TV għandha wisq xeni ta’ sess li għandhom jiġu pprojbiti – stħarriġ fir-Renju Unit

Erbgħa minn għaxra fir-Renju Unit iqisu li hemm wisq kliem ħażin li jingħad fuq it-televiżjoni waqt li wieħed minn tlieta jqis li hemm wisq xeni espliċiti ta’ sess li għandhom jiġu pprojbiti minn fuq it-televiżjoni.

Riċerka li saret minn Ofcom, li ssegwi x-xandir fir-Renju Unit, sabet li miljuni ta’ ċittadini, speċjalment anzjani minn 65 sena ’l fuq, huma nkwetati l-iktar minħabba l-kliem ħażin u x-xeni sesswali li jixxandru fuq it-televiżjoni.

Il-BBC din is-sena ġie kkritikat bil-qawwa meta Stephen Fry, hu u jippreżenta l-BAFTAs, uża kelma mhux xierqa biex jippreżenta d-dħul ta’ Tom Cruise, waqt li ITV ukoll kellu kritika qawwija minħabba l-kliem użat mir-rapper Amerikan Kanye West.

Tnejn minn kull tlieta ta’ 65 sena jew iktar jaħsbu li l-kliem ħażin fuq it-televiżjoni qabeż kull limitu, imqabbel ma’ persuna minn kull ħamsa ta’ taħt il-25 sena. Imma skont il-grupp Mediawatch, it-tolleranza fost iż-żgħar hi ikbar għax il-lingwaġġ ħażin m’għadux jaffettwahom u aktarx iqisuh normali.

L-istħarriġ wera wkoll li tlieta minn kull għaxra jaħsbu li hemm wisq kontenut sesswali fuq it-televiżjoni waqt li wieħed minn kull tlieta jemmnu li xeni espliċiti m’għandhom qatt jintwerew. In-nisa huma iktar inkwetati mill-irġiel dwar x’jixxandar fuq it-televiżjoni.

Kelliema għal Mediawatch ikkummentat li qed issir dejjem iktar imċajpra l-linja li tiddistingwi l-konnotazzjonijiet sesswali minn dawk li mhumhiex waqt li semmiet li fuq ITV ixxandar, fil-11am, servizz ispirat mill-film Fifty Shades of Grey fejn il-preżentaturi u l-mistiedna ddiskutew u urew ġugarelli sesswali.

Il-kelliema għal Mediawatch madankollu qalet li l-grupp hu mħasseb ferm iktar dwar xeni ta’ vjolenza. Anke dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qablu tant li erbgħa minn kull għaxra jqisu li tixxandar wisq kefrija waqt li ħafna sostnew li dawn ix-xeni aktarx iħallu ħsara fuq it-telespettaturi.

Wieħed minn kull ħamsa saħqu li fl-aħħar sena raw kontenut li aktarx iħalli effetti ħżiena, waqt li daqstant ieħor minn fosthom qalu li jinkwetawhom episodji ta’ bbuljar fuq it-televiżjoni fosthom fuq programmi ta’ talent jew reality shows. Minkejja r-riċerka, ftit huma dawk li formalment ressqu xi tip ta’ lment dwar dak li raw.