Ambjent Lokali

FILMAT: Jitwaqqaf il-Front Ħarsien ODZ…bil-parteċipazzjoni ta’ Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia fost oħrajn

Iktar oppożizzjoni għall-iżvilupp ta’ Universita’ li l-Gvern qed jipproponi f’art barra miż-żona tal-iżvilupp fl-inhawi ta’ Zonqor, f’Marsaskala.

U dan hekk kif is-Sibt filgħodu twaqqaf “Front Ħarsien ODZ”, bil-għan li jgħaqqad flimkien l-ilħna ta’ dawk kollha li jopponu dan l-iżvilupp.

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-dħul tal-belt Valletta, l-ispokesperson tal-Front, Michael Briguglio, qal li l-iskop ta’ dan il-moviment huwa wieħed ambjentali, lil hinn mill-partiġjanniżmu.

Il-Front qed jappella lil kull NGO jew għaqda, minn kwalunkwe settur, biex tingħaqad miegħu f’appell wieħed kontra dan l-iżvilupp propost mill-Gvern.

Ma’ dan il-front, issieħbu wkoll id-deputati tal-Gvern Laburista, l-eks Ministru Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia.

Wieħed jista’ jissieħeb f’dan il-Front billi jżur il-paġna fuq Facebook, Front Ħarsien ODŻ.