Internazzjonali

Peppa Pig taqbeż il-biljun dollaru f’bejgħ

Hi maħbuba mmens mit-tfal madwar id-dinja, forsi xi ftit inqas mill-ġenituri imma Peppa Pig se tkun popolari mmens fil-ġranet li ġejjin mal-produtturi tagħha hekk kif, fl-Istati Uniti biss, taqbeż il-bejgħ ta’ biljun dollaru, bl-imperu tagħha mistenni jirdoppja fil-ħames snin li ġejjin.

Il-karattru tal-qażquża tfaċċa għall-ewwel darba fuq l-iskrins tat-televiżjoni fir-Renju Unit ftit iktar minn għaxar snin ilu.

Illum il-ġurnata, l-istejjer ta’ Peppa u l-familja tagħha jixxandru f’200 pajjiż madwar id-dinja. L-avventuri tagħha nqalbu f’40 lingwa differenti u hemm mas-600 kumpanija madwar id-dinja li xtraw il-liċenzja tal-karattru. B’hekk, il-qligħ għall-kumpanija Brittanika Entertainment One, li għandha nofs id-drittijiet tal-karattru imma wkoll id-drittijiet dinjija tad-ditta ta’ Peppa Pig, irdoppja.

Fil-qrib mistennija jinfetħu iktar parks ta’ divertiment għat-tfal, bit-tema ta’ Peppa Pig, u se jinħolqu iktar prodotti għat-tfal li diġà jinkludu ġugarelli, piġami, karti tal-logħob, bjankerija għas-sodda, soft toys u ġojjellerija. Inħarġu wkoll kotba fosthom Peppa Meets the Queen li nkiteb fl-okkażjoni tal-ġublew tar-Reġina Eliżabetta, u The Story of Prince George li nħareġ biex jikkoinċidi mat-twelid tal-ewwel tarbija tad-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge. Il-prodotti u s-servizzi abbinati ma’ Peppa Pig ifissru l-parti l-kbira tal-qligħ ta’ min għandu d-drittijiet, b’5% biss tad-dħul ġej mil-liċenzji tal-programm għax-xandir.

Minbarra DVDs, anke l-apps bil-karattru kienu suċċess fejn tniżżlu iktar minn tliet miljun applikazzjoni.

Fil-qrib, Peppa Pig mistennija tasal fiċ-Ċina u fl-Amerika t’Isfel u hemm pjani wkoll biex il-karattru jittieħed f’iktar pajjiżi fl-Ażja.