Il-Partit Nazzjonalista qed iħaddem politika viċin in-nies li qed tagħti l-frott.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami lbieraħ filgħaxija f’diskors li bih għalqet l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-PN.
Diskors li matulu Beppe Fenech Adami tkellem dwar il-kisbiet li għamel il-PN f’dawn l-aħħar sentejn u spjega li anke dawn il-bidliet li saru taw il-frott. Issaħħu l-istrutturi u l-partit biddel il-mod kif jaħdem.
Kontra x-xejriet tal-ħsieb li kien hawn qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, qal il-Viċi Kap tal-PN, il-PN kiseb riżultati pożittivi ħafna. Dan sar grazzi għall-mod kif il-PN ikkomunika man-nies.
Il-ħidma biex il-PN jitlaqa’ man-nies u jisma’ l-problemi tagħhom hi eżerċizzju li għandu jkompli. B’dan il-mod, il-PN naqqas id-distakk mill-PL bin-nofs u żied aktar minn 14,000 vot. Avanza f’lokalitajiet magħrufa għall-appoġġ lill-Partit Laburista bir-riżultat li l-Prim Ministru spiċċa tħawwad, kif jidher mid-deċiżjonijiet li qed jieħu. Illum qed naraw li filwaqt li l-Prim Ministru għamel minn kollox biex iżeblaħ lill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-poplu qed iżid il-fiduċja tiegħu f’Simon Busuttil.
Beppe Fenech Adami qal li r-riżultati pożittivi nkisbu għaliex il-PN għaraf iħaddem politika li jkun viċin in-nies. Dan għandu jkompli, u l-PN jibqa’ viċin in-nies fit-toroq, fid-djar u b’kull mod.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li ninsabu kważi f’nofs il-leġiżlatura u l-Prim Ministru hu medhi jinawgura proġetti li huma proġetti tal-PN. Il-Parlament il-ġdid, l-Isptar tal-Onkoloġija, ir-restawr ta’ Sant’Iermu, ix-Xatt ta’ Bormla, Triq Diċembru Tlettax, u l-Interconnector li tant iddieħak bih. Hemm aktar proġetti li jrid jiftaħ bħalma hu ċ-Ċentru tax-Xjenza, il-Coast Road u l-binjiet tal-MCAST.
Dawn huma proġetti tal-PN li l-Prim Ministru se jaqta’ nifsu jinawgura meta jkun għadu lanqas poġġa l-ewwel ġebla tal-powerstation li suppost ilha lesta xhur ilu.
Beppe Fenech Adami qal li din hi d-differenza ċara li tidher bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. Partit Nazzjonalista li jivvinta u jwettaq proġetti kbar għall-pajjiż u Partit Laburista li hu medhi biex jgħatti l-iskandli tan-nies tiegħu.
Beppe Fenech Adami qal li llum il-Prim Ministru hu medhi jaħbi l-iskandli tal-Ministri tiegħu. Ta’ Joe Mizzi li mar jitkellem ma’ xi ħadd li tefa’ offerta għat-trasport qabel ma saret l-għażla li għaliha l-Gvern se jħallas €200 miljun.
Ta’ Manwel Mallia li meta kien Ministru kisser il-Korp tal-Pulizija u l-Armata li l-għażliet li saru fit-tmexxija tagħhom wasslu għal vendikazzjonijiet kontra kull min mhux tal-qalba.
Beppe Fenech Adami qal li wara l-bidla tal-Ministru Mallia, kien jistenna lill-Ministru Carmelo Abela jsewwi l-ħsarat li għamel il-Ministru Mallia, iżda s’issa għadu ma sar xejn. L-għażla biex il-Kap Kmandant tal-Armata jkun ħabib mill-qrib tal-Prim Ministru ddemoralizzat lill-membri fl-Armata.
Hemm ukoll il-Ministru Konrad Mizzi b’kontroversja dwar l-għoti ta’ €13,000 fix-xahar lil martu. Hu ħażin li dan ingħata, iżda hu ħażin aktar li din ma kisbet l-ebda riżultati u ħadd ma jista’ jagħmel kuntatt magħha.
Hemm l-iskandlu ta’ Cyrus Engerer u l-iskandlu akbar tal-Premiere bil-Prim Ministru jagħti somma minn flus il-poplu biex jitħallsu minn imprenditur privat djun u kontijiet pendenti.
Din hi d-differenza kbira li tidher bejn il-PN u l-PL, qal Fenech Adami, waqt li sejjaħ lill-poplu biex iqabbel l-ewwel snin ta’ tmexxija tal-PN wara l-1987 ma’ dawn l-ewwel snin tal-Prim Ministru Muscat.
Issa, kompla l-Viċi Kap Nazzjonalista, tqanqlet l-isotrja tal-Università suppost Amerikana. Hawn jidher l-ingann tal-Prim Ministru li minkejja l-impressjoni li ta, din mhi università Amerikana xejn, iżda għotja lil kuntrattur mill-Ġordan.
Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru llum irnexxielu jwaqqaf moviment kontrih minn għaqdiet ambjentali u minn parti kbira tal-poplu li ma tridx il-qerda tal-ambjent.
Illum hawn ħafna nies li qed juru li għalkemm kellhom opinjoni oħra, issa qed jaraw fil-PN il-partit li jassoċjaw ruħhom miegħu. Hu appella lill-uffiċjali u lill-partitarji tal-PN biex ma jaqtgħux qalbhom u jaraw li l-PN ikompli jiltaqa’ man-nies, man-nies li għarfu li l-Partit Laburista daħak bihom.
Hu ħeġġeġ biex il-PN ikompli jkun qrib in-nies biex magħhom ikompli jagħmel id-differenza.
//= $special ?>

