Il-Papa Franġisku, fl-aħħar Udjenza Ġenerali, appella lil ġenituri separati biex ma jużawx lil uliedhom bħala ostaġġ kontra l-ġenitur l-ieħor biex “it-tfal ma jkunux imġegħla jġorru l-piż tas-separazzjoni. Diffiċli, imma jista’ jirnexxielkom”.
Il-Papa appella wkoll lil ġenituri biex “joħorġu mill-eżilju” tagħhom u jfittxu li jedukaw lil uliedhom waqt li ammetta li hu diffiċli li dan l-impenn iseħħ jekk lill-ulied jarawhom biss filgħaxija wara l-ħin tax-xogħol.
Il-Papa ħeġġeġ biex il-ġenituri jedukaw lil uliedhom mingħajr ma jeżasperawhom, xi ħaġa li trid għerf u bilanċ spjega, waqt li tenna li l-ġenituri m’għandhomx jitolbu affarijiet lit-tfal li ma jistgħux jagħmlu. Dan hu diffiċli, saħaq, speċjalment għall-ġenituri li jirritornaw id-dar wara ġurnata xogħol u għall-ġenituri separati li għalihom hu iktar diffiċli għax qed iġorru kundizzjoni tqila.
Spjega li meta l-missier ikellimhom b’mod negattiv dwar l-omm u l-omm tkellimhom b’mod negattiv dwar il-missier, jiġri ħafna ħsara. Għalhekk appellalhom biex lil uliedhom ma jqisuhom ostaġġi għax m’għandhomx ikunu l-ulied li jġorru l-piż tas-separazzjoni. Minflok, saħaq, l-ulied għandhom jisimgħu lill-missier ikellimhom tajjeb dwar ommhom, u lill-omm tkellimhom tajjeb dwar missierhom.
Il-Papa qal li jitlob lill-Missier biex jagħti l-grazzja lill-ġenituri biex ma jiżolawx irwieħhom mill-edukazzjoni ta’ uliedhom u li dan jagħmluh b’ħafna mħabba, ġentilezza u paċenzja. Awgura li l-ġenituri jibqgħu jwasslu lil uliedhom edukazzjoni tajba li hi “s-sinsla tad-dahar li tista’ tagħmel mirakli”.
//= $special ?>