Internazzjonali

“Twilight” u “Hunger Games” iżidu l-qari għall-gost fost it-tfal fir-Renju Unit

Ċifri fir-Renju Unit qed juru li n-numru ta’ tfal li jaqraw ktieb barra l-ħin tal-iskola tela’ għal rekord fl-aħħar disa’ snin grazzi għal kotba tal-fantasija bħal Twilight u The Hunger Games.

Studju fost 32,000 bejn tfal u żgħażagħ ta’ bejn 8 u 18-il sena, wera li dawk li jaqraw għall-gost żdiedu b’iktar minn 25% fl-aħħar sena hekk kif studju juri li l-persentaġġ ta’ dawk li jaqbdu ktieb fil-ħin liberu tagħhom tela’ għal 41.1% minn 32.2% is-sena li għaddiet u 28.4% fis-sena ta’ qabel.

Iktar minn 54% ta’ tfal u żgħażagħ żgħar ammettew li jieħdu gost jaqraw. Skont ir-riċerkaturi, din iż-żieda fil-popolarità tikkoinċidi mal-popolarità tas-serje Twilight u mat-triloġija Hunger Games li t-tnejn li huma nbidlu f’films. Għenu wkoll inizjattivi favur il-qari li jinkoraġixxu lit-tfal jaqraw iktar.

L-istudji juru li dawk li jaqraw kuljum barra l-ħin tal-iskola huma ħames darbiet iktar probabbli li jkollhom livell ogħla fis-suġġetti minn dak mistenni għall-età tagħhom, imqabbel ma’ dawk li ma jaqraw qatt barra l-ħin tal-iskola.

Imma ftit iktar minn nofs dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ jgħidu li jippreferu jaraw it-televiżjoni milli jaqraw għalkemm iċ-ċifra niżlet bi ftit fuq sena qabel. Wieħed minn kull erbgħa qalu li jaqraw biss meta jkun ta’ bilfors. L-istudju juri wkoll li l-bniet huma iktar imħeġġa li jaqraw milli s-subien, b’46.5% tal-bniet jgħidu li jaqraw barra l-ħin tal-iskola waqt li għas-subien iċ-ċifra hi ta’ 35.8%.