<h3>Rosberg inaqqas id-distakk bit-tieni rebħa konsekuttiva</h3>
FORMULA 1: Lewis Hamilton kien misruq minn rebħa fil-Grand Prix ta’ Monaco minħabba żball oħxon ta’ tattika mit-tim tiegħu stess tal-Mercedes.
Hamilton ikkontrolla t-tiġrija sakemm il-Mercedes iddeċiedew li jdaħħluh fil-pit waqt li kien hemm is-safety car wara inċident ikrah ta’ Max Verstappen.
Sieħbu Nico Rosberg u Sebastien Vettel tal-Ferrari ma waqfux u spiċċaw quddiem Hamilton meta rritorna fit-tiġrija.
“Tlifniha din hux hekk?” qal Hamilton lit-tim minn fuq ir-radio.
Ir-riżultat inaqqas il-vantaġġ ta’ Hamilton fuq Rosberg fil-Kampjonat għal 10 punti u Vettel jinsab 18-il punt aktar l-isfel.
Wara li qasam il-linja tat-tmiem, Hamilton waqqaf il-karozza fil-kantuniera Portier, li tħares fuq il-Mediterran, u deher jiċċassa lejn il-baħar.
Wara kompla d-dawra fejn mar jieħu l-post riservat għat-tielet post u waqqa’ anke t-tabella.
Fi tmiem it-tiġrija Rosberg qal, “Lewis kellu tiġrija eċċellenti u kien jimmeritah ir-rebħa imma dawn l-affarijiet jiġru.”
Kienet daqqa ta’ ħarta għal Hamilton li mar Monaco determinat li jieħu l-ewwel rebħa sa mill-2008 u kien iddomina tmiem il-ġimgħa.
It-tiġrija kompliet bi tmien dawriet għat-tmiem b’Hamilton fuq tyres ġodda. Imma Monaco żamm ir-reputazzjoni ta’ track fejn hu ferm diffiċli li karozza taqbeż oħra.
L-aħħar dawriet reġgħu fakkru lil ħafna fl-1992 meta Ayrton Senna tal-McLaren fuq tyres qodma rnexxielu jżomm warajh lill-Williams ferm aktar veloċi ta’ Nigel Mansell, wara lil-Ingliż ukoll kien għamel pit stop lejn it-tmiem.
“Ma kinitx tiġrija faċli imma t-tim għamel ħafna tul is-sena kollha u nirbħu u nitilfu flimkien. Għamlu xogħol tajjeb u issa nitkellmu u naraw x’nistgħu intejbu” qal Hamilton.
Daniel Ricciardo tar-Red Bull irnexxileu jieħu l-ħames post mingħand Kimi Raikkonen tal-Ferrari fit-72 dawra b’mossa kontroversjali li fiha kien hemm kuntatt. Ir-Red Bull imbagħad ordnaw lil sieħeb l-Awstralajn Daniil Kvyatt biex iħallih jaqbżu ħalli jkun jista’ jattakka lil Hamilton għal post fuq il-podju.
Imma bħalma Hamilton ma setax jaqbeż lil Vettel, hekk ukoll Ricciardo kien imwaħħal wara l-Mercedes u mbagħad kien ordnat jagħtu lura r-raba’ post lil Kvyatt fl-aħħar dawra.
L-inċident li wassal għal din id-drama seħħ minn żball ta’ Verstappen meta pprova jaqbeż lil Lotus ta’ Romain Grosjean għall-10 post u spiċċa daħal fih.
Kimi Raikkonen jellu jikkuntenta bis-sitt post quddiem il-Force India ta’ Sergio Perez u Jenson Button, li kiseb l-ewwel punti tas-sena għall-McLaren meta daħal fit-tmien post. Sieħbu Fernando Alonso li deher fi triqtu lejn il-punti minkejja li ngħata penalità ta’ ħames sekondi għal ħabta fil-bidu tat-tiġrija mal-Force Indias ta’ Nico Hulkenberg, irtira bi problemi fil-gearbox fit-42 dawra.
Dan wassal biex Felipe Nasr tas-Sauber temm fid-disa’ post u Carlos Sainz ta’ Toro Rosso ħa l-aħħar punt fl-10 post.
//= $special ?>