Il-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat ħareġ passaport diplomatiku lil Cyrus Engerer, il-kandidat Laburista li kien ikkundannat b’sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs mill-Qorti tal-Appell, u li minkejja din is-sentenza, il-Prim Ministru Muscat xorta tah impjieg fi Brussell b’pakkett finanzjarju ta’ €85,000 fis-sena.
F’rapport ippubblikat fil-ġurnal il-Mument intqal li din l-aħħar mossa tal-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tfissret minn osservaturi diplomatiċi li tkellem magħhom il-mument bħala disrispett minn dan il-Gvern lejn kull min iġorr il-passaport diplomatiku.
Sorsi diplomatiċi li tkellmu ma’ din il-gazzetta fissru din id-deċiżjoni mill-Gvern Laburista li “ddgħajjef u ġġib fix-xejn lill-istituzzjonijiet tal-Istat f’materja meqjusa bħala “sagra” fil-kamp diplomatiku meta wieħed iqis is-serjetà li biha għandha tittieħed deċiżjoni li twassal għall-ħruġ ta’ passaport dipolmatiku.”
Id-deċiżjoni tal-Gvern li joħroġ passaport diplomatiku kienet ikkonfermata mill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, fil-Parlament, fi tweġiba li ta għal mistoqsija parlamentari tal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami.
Beppe Fenech Adami talab lill-Ministru Abela jgħid jekk inħariġx il-passaport diplomatiku lil Cyrus Engerer; jekk kienx hemm security clearance min-naħa tas-Servizz tas-Sigirtà Malti (MSS) biex inħareġ il-passaport diplomatiku; meta kienet id-data u x-xahar li nħareġ dan il-passaport diplomatiku u għal kemm hu validu l-passaport diplomatiku.
Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Carmelo Abela wieġeb biss li l-passaport diplomatiku nħareġ skont il-proċeduri stabbiliti mill-awtoritajiet relevanti, u li l-informazzjoni relatata mas-Servizz tas-Sigurtà tingħata lill-Kumitat dwar is-Sigurtà.
Il-passaport diplomatiku lil Cyrus Engerer nħareġ wara li l-Gvern ta’ Muscat ta lil Cyrus Engerer impjieg b’responsabbiltà li jikkoordina x-xogħol tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan l-impjieg daħal fis-seħħ minn xahar wara li kien instab ħati mill-Qorti, meta wkoll kellu jirtira l-kandidatura tiegħu minn kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet sabet lill-kandidat Laburista Cyrus Engerer ħati li xerred ritratti pornografiċi tal-ekssieħeb tiegħu, ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelih ma’ sħabu u anke ma’ min iħaddmu. L-istess Qorti kienet tat sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs lil Cyrus Engerer.
Filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat ta kariga għolja fi Brussell lill-kandidat Laburista Cyrus Engerer, u ħariġlu wkoll passaport diplomatiku minkejja li kien ikkundannat b’sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs mill-Qorti tal-Appell, taħt l-istess Prim Ministru fl-aħħar sentejn li għaddew, il-Gvern mexa differenti meta tratta każi oħrajn simili li fihom impjegati fis-settur pubbliku kienu wkoll iffaċċjati bi proċeduri jew sentenzi fil-Qrati.
Jirriżulta li tkeċċew 12-il Uffiċjal Pubbliku minn fuq il-post tax-xogħol wara li nstabu ħatja ta’ reat kriminali mill-Qorti, u 31 oħra ġew sospiżi temporanjament minħabba li kienu qed jiffaċċjaw akkużi ta’ natura kriminali fil-Qrati.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stess, li l-Gvern tiegħu ħareġ u approva l-passaport diplomatiku, ikkonferma wkoll fil-Parlament il-passi dixxipplinarji li ttieħdu kontra impjegati tas-settur pubbliku meta kien wieġeb għal mistoqsijiet tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, li staqsa lill-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati fis-settur pubbliku li ġew sospiżi jew imkeċċija mix-xogħol bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-8 ta’ Marzu 2015 minħabba li nstabu ħatja mill-Qorti ta’ reat kriminali; jew minħabba li kienu qed jiffaċċjaw akkużi ta’ natura kriminali.
Iżda minkejja dawn il-miżuri ta’ dixxiplina li ttieħdu fis-settur pubbliku, il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss ta impjieg lil Cyrus Engerer fi Brussel, iżda issa wkoll inkixef li ta passaport diplomatiku biex igawdi hu wkoll mill-privileġġi li għandhom il-membri tal-korp diplomatiku.
Osservaturi qrib il-korp diplomatiku Malti sostnew ma’ il-mument, li l-ħruġ ta’ passaport diplomatiku lil persuna li qed tiskonta sentenza sospiża ta’ priġunerija, hu preċedent perikoluż. “Deċiżjoni li jrid jerfagħha u jispjegaha biss il-Prim Ministru.”
Minn stħarriġ li għamel il-mument, Gvern Nazzjonalista wara l-elezzjoni tal-1987, sab sitwazzjoni ta’ abbużi fil-ħruġ tal-passaporti diplomatiċi mill-amministrazzjoni Laburista preċedenti. Uħud li kienu fil-pussess ta’ dan il-passaport approvat mill-amministrazzjoni Laburista ta’ qabel is-snin tal-1987, damu xhur twal sakemm taw lura l-passaport diplomatiku minkejja li ma kinux baqgħu fil-kariga diplomatika tagħhom.
Kien hemm żmien ukoll fejn għal perijodu ta’ żmien, sakemm ma ġiet stabbilizzata lura u ngħatat lura s-serjetà lill-korp diplomatiku, il-ħruġ ta’ passaporti diplomatiċi kien miżmum. Din id-deċiżjoni kienet tirrifletti s-serjetà fl-amministrazzjoni tal-passaport diplomatiku, li jagħti dritt lill-membru diplomatiku jivvjaġġa b’servizzi speċjali u malajr.
Osservaturi diplomatiċi tkellmu ma’ il-mument dwar l-importanza li dejjem qiegħda tikber fix-xogħol tal-korp diplomatiku, anke fid-dawl tal-attività li pajjiżna wkoll issa għandu b’ħafna laqgħat u vjaġġi lejn l-Ewropa bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea, il-ħruġ ta’ passaport diplomatiku hu kruċjali fil-karriera professjonali ta’ kull diplimatiku jew anke saħansitra uffiċjali għolja tal-Gvern b’impenji regolari f’pajjiżi Ewropej jew lil hinn minn xtutna.
Iżda fissru l-istess osservaturi li magħhom tkellem il-mument, li d-deċiżjoni ta’ dan il-Gvern li jagħti passaport diplomatiku – “red carpet treatment” – lil min hu kundannat mill-Qorti u jinsab taħt sentenza sospiża, hu disservizz lill-korp diplomatiku ta’ pajjiżna u qiegħed iżeblaħ u jitfa’ dell ikreh fuq l-istess korp diplomaiku tagħna. Korp li għandu jkun il-wiċċ ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna, filwaqt li jagħti l-eżempju.
Huma sostnew ukoll li l-mandat li ngħata bil-faċilità li ngħata bil-passaport diplomatiku, Cyrus Engerer m’għandux għalfejn jirrapporta lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin jew lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Gvern Malti fi Brussell bil-movimenti tiegħu bħala uffiċjal għoli tal-Prim Ministru fi Brussell.
L-istess sorsi rrimarkaw ukoll li Gvern li ma wera ebda mistħija li jbigħ iċ-ċittadinanza u l-passaport Malti, ma sab ebda diffikultà li joħroġ passaport diplomatiku lil min hu kundannat b’sentenza sospiża. Din hi deċiżjoni oħra li għandha tħammar wiċċ dan il-Gvern, fissru l-osservaturi li tkellmu ma’ il-mument.
//= $special ?>