“Issa li għandna Oppożizzjoni b’saħħitha, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel il-qabża li jmiss biex isir il-gvern alternattiv għal pajjiżna.”
Qal dan il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa meta kien qed jindirizza l-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
David Casa qal li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess ta’ tiġdid li beda bil-ħatra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li beda jagħmel it-tibdil meħtieġ biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ relevanti għaż-żminijet tal-lum.
“Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irnexxielu jħares lejn il-passat, jgħaqqdu mal-preżent biex jibni futur mill-aqwa għall-Partit Nazzjonalista” saħaq David Casa. David Casa qal li waħda mill-ikbar riformi kienet li d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fetħet il-bibien tagħha biex in-nies ġodda li daħlu fil-Partit Nazzjonalista issa qed jaħdmu flimkien ma’ dawk li ilhom jimmilitaw fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
David Casa qal li l-ħidma tal-Oppożizzjoni wasslet biex waqgħet il-maskra ta’ Joseph Muscat u kixfet il-politika falza u ta’ ingann ta’ Joseph Muscat. Madanakollu, fakkar David Casa, għad hemm ħafna xi jsir u awgura lill-uffiċjali l-ġodda li se jkunu qed jinħatru fil-karigi tagħhom fit-3 ta’ Ġunju.
“Jien, flimkien ma’ Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, se nkunu qed naħdmu mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali l-ġdid u mat-tim ta’ uffiċjali l-ġodda biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss,” temm jgħid il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa.
//= $special ?>