Lokali

“Il-PN m’għandux jitlef il-prinċipji biex jieħu vantaġġ politiku temporanju” – Gianluca Bezzina

“Il-viżjoni m’għandiex tkun sal-elezzjoni, iżda għandha tkun waħda li tħares fit-tul.” Kien dan l-appell tal-kantant popolari Malti Gianluca Bezzina li kien wieħed mill-mistednin speċjali waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Gianluca Bezzina spjega l-mod kif bħala ċittadin hu jara l-irwol tal-Oppożizzjoni u qal li din għandha tkun waħda li tkompli topponi dawk id-deċiżjonijiet li llum il-ġurnata jbiddlu l-morali u l-valuri tal-bniedem.

Hu fisser li llum il-ġurnata hija sfortuna li l-Gvernijiet preżenti madwar id-dinja qed jadottaw stil ta’ politika li taġevola lil ftit persuni għall-voti minkejja li ċertu deċiżjonijiet ikunu jmorru kontra l-valuri tal-bniedem.

Gianluca Bezzina appella lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex din tibqa’ tkun Oppożizzjoni tajba, li tkompli tieqaf bis-sħiħ għal deċiżjonijiet ħżiena jew dubjużi mill-Gvern, mhux biss għall-kampanji elettorali tagħha, iżda sabiex il-Gvern ikun kostrett li jaġixxi u jagħmel xogħol tajjeb fl-interess taċ-ċittadini kollha.

“L-appell tiegħi għall-Partit Nazzjonalista hu li ma jintilfux il-prinċipji sodi tal-Partit biex jittieħed vantaġġ politiku temporanju,” temm jgħid Gianluca Bezzina.