Internazzjonali

Infermier ħati tal-mewt ta’ pazjenti investigat fuq każijiet oħra simili

Fl-Ingilterra għaddejja investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk l-infermier Filippin, li nstab ħati li qatel żewġ pazjenti u li vvelena 19 oħra fi sptar, hux ħati wkoll tal-mewt ta’ 11-il pazjent ieħor.

Victorino Chua, deskritt bħala psikopatiku u kattiv, intbagħat 35 sena ħabs wara li l-imħallef sabu ħati tal-imwiet fl-isptar Stepping Hill u talli ħallat sustanzi fid-drip tant li vvelena numru ta’ pazjenti oħra.

L-investigatur anzjan John Pollard żvela li għaddejja investigazzjoni wkoll dwar il-mewt ta’ 11-il pazjent ieħor li jidher li mietu f’ċirkustanzi suspettużi. F’kull każ hemm indikazzjonijiet li l-pazjenti mietu minħabba li ġew ivvelenati mill-istess infermier.

Jekk dawn l-indikazzjonijiet jiġu kkonfermati, l-isptar isib ruħu suġġett għal talbiet ferm ogħla għall-kumpens. Qed jiġi kkritikat b’mod qawwi talli impjega lil Chua mingħajr ma assikura li l-infermier, li hu missier ta’ żewġt itfal, kellu l-kwalifiċi meħtieġa. Il-każ minnu nnifsu qajjem iktar suspetti dwar l-impjieg ta’ infermiera barranin.