Lokali

Każ ieħor ta’ xogħlijiet fil-privat f’Għawdex minn ħaddiema tal-Gvern fl-inħawi Ta’ Gruwa

Diversi xogħlijiet li kienu qed isiru fit-triq li tagħti għall-Imġarr ix-Xini mix-Xewkija fix-xhur li għaddew taw l-opportunità lil sid ta’ xi għelieqi biex biswit it-triq minfejn kienu qed isiru t-trinek u tqattigħ ieħor, jibni żewġt ikmamar li x-xogħol fuqhom sar minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern.

Il-ġurnal il-Mument illum irrapporta dwar aktar xogħlijiet fil-privat minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern fis-sentejn u ftit li ilu jmexxi lill-Ministeru għal Għawdex Anton Refalo.
Għal darba oħra, sibna numru ta’ xogħlijiet fejn jidher li l-materjal hu frisk u x-xogħlijiet huma pjuttost ġodda.

L-aktar każ riċenti sar f’triq li twassal għal Imġarr ix-Xini – jiġifieri bejn is-Sannat u x-Xewkija – fejn fix-xhur li għaddew kienu qed isiru numru ta’ xogħlijiet, fosthom trinka biex minnha jgħaddu s-servizzi. Din l-istess triq, li fil-preżent hi f’kundizzjoni xejn pjaċevoli, kellha prattikament tingħalaq għal xi żmien biex il-ħaddiema setgħu jagħmlu x-xogħlijiet li kien hemm bżonn.

Dan ix-xenarju jidher li kien wieħed ideali għal xi ħadd li hu qrib ħafna tal-Ministru Anton Refalo biex jinbnew żewġt ikmamar fl-għelieqi tiegħu biswit it-triq. Fi ftit kliem ħa x-xoqqa f’moxta u approfitta mis-sitwazzjoni biex seta’ jibni b’ġebel antik dawn il-kmamar li kien ilu ħafna li twebbel bihom.

Il-Mument tirraporta li l-bużillis ta’ din l-istorja kollha mhix biss dwar jekk dawn iż-żewġt ikmamar humiex bil-permessi tal-MEPA jew le, iżda li x-xogħol biex setgħu jinbnew sar minn ħaddiema tal-Gvern li ntbagħtu apposta fil-post biex fl-iqsar perjodu possibbli jibnu dawn il-kmamar kif indikat lilhom.

rsz_pix_c_new

 

Ritratt: Id-daħla għal dawn il-garaxxijiet u l-proprjetà privata fejn saru x-xogħlijiet b’wires tal-elettriku deħlin ‘il ġewwa

Il-Mument tgħid li s-sorsi li tkellmu magħha komplew jispjegaw li biex setgħu jitilgħu dawn l-istess żewġt ikmamar biswit it-triq – li allura fiha kien għadu għaddej ix-xogħol – intbagħat ukoll materjal tal-Gvern kemm f’termini ta’ ġebel antik u knatan oħra, imma anki fir-rigward tal-konkos.

L-attività qawwija li kienet għaddejja f’din it-triq – Triq Gruwa – ta’ tħaffir ta’ trinek, inġenji kbar u trakkijiet ma tatx lok li wieħed jintebaħ mill-ewwel li fl-istess waqt ħaddiema tal-Gvern kienu ntbagħtu fl-istess inħawi biex isir dan l-iżvilupp li jqanqal ukoll mistoqsijiet dwar jekk hux konformi u regolat bil-permessi tal-MEPA.

Biex setgħu jinbnew dawn iż-żewġt ikmamar, li huma wkoll imsaqqfa, kellha titħammel l-art biex seta’ jsir il-pedament rettangolari li fuqu mbagħad tpoġġa l-ġebel biex setgħu jinbnew l-istess kmamar li llum għandhom aċċess minn barra permezz ta’ żewġ bibien – wieħed b’qafas tal-ħadid iżda bl-injam kannella, u ieħor tal-ħadid ġdid miżbugħ griż.

rsz_pix_d_new

 

Ritratt: Parti mill-proprjetà privata fejn saru x-xogħlijiet b’wires tal-elettriku deħlin ‘il ġewwa

Meta fil-jiem li għaddew il-mument żar dan il-post seta’ jara kif mhux biss dawn iż-żewġt ikmamar li kienu għadhom kemm inbnew, iżda biswit l-istess ħajt tas-sejjieħ fuq in-naħa ta’ barra għad hemm borġ ġebel u volum konsiderevoli ta’ trabijiet u ġebel li normalment iħalli warajh xogħol ta’ kostruzzjoni.
Dan il-każ li qed niżvelaw illum hu każ ieħor ġdid fis-sensiela ta’ skandli ta’ xogħlijiet direttament fil-privat minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern.

Sa issa l-Ministru Anton Refalo ddeċieda li jagħżel hu dwar liema każi iwieġeb. Hu wieġeb biss dwar tliet każi filwaqt li dwar għadd ġmielu ta’ każi oħra għażel li jibqa’ sieket… jiġifieri li jikkonferma l-abbużi kollha rappurtati mill-ġurnali ta’ media.link communications.

Il-Ministru Anton Refalo jaf tajjeb li dak li sar fis-sentejn u ftit li għaddew ma jistax jitħassar u x-xogħlijiet mill-ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern qegħdin hemm biex jekk il-Pulizija tiddeċiedi li tinvestiga bis-serjetà – u aħna għandna fiduċja li l-Pulizija kapaċi tagħmel dan kemm-il darba ma jkunx hemm indħil minn Kastilja jew mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – allura ssib il-provi kollha li jkollha bżonn biex tkompli tipproċedi.

Il-Pulizija għandha r-riżorsi kollha biex timxi ‘l quddiem f’din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ użu ta’ ħaddiema tal-Gvern u materjal tal-Gvern biex fl-aħħar sentejn saru diversi xogħlijiet fil-privat biex kienu onorati wegħdi u moqdija pjaċiri ta’ persuni qrib ħafna tal-Ministru Anton Refalo.