Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, qed jelimina aktar uffiċjali tar-reġim tiegħu stess, fost rapporti li hu għadu kemm ħareġ b”lista ġdida ta’ ‘esekuzzjonijiet’. Mifhum li l-aħħar raġuni wara l-qtil tal-uffiċjali, fosthom militari, tinvolvi l-falliment tagħhom ‘li jagħtu aktar ikel lis-suldati’.
Kim Jong-un issa ħareġ direttivi biex jinqatel il-Viċi-Ministru tal-Qawwiet Armati (komunisti) So Hong-chan u uffiċjali oħra li kienu qrib ta’ Hong-chan talli huma ma mxewx mal-ordnijiet speċifiċi tiegħu. Fl-aħħar jiem, Kim kien ukoll fl-aħbarijiet wara li ħareġ direttiva personali biex jinqatel il-Kap tad-Difiża tiegħu, Hyon Yong-chol, li jingħad li kien raqad waqt laqgħa li damet għaddejja għal żmien eżaġerat.
Id-destin ta’ Hyon Yong-chol kien tipikament krudili, peress li għall-esekuzzjoni tiegħu kien intuża kanun għal kontra l-ajruplani li spara għal fuqu mill-viċin.
Intant, Kim Jong-un, issa qed joqtol ukoll lill-uffiċjali li dehru qrib l-eks-Ministru tad-Difiża peress li hu mħasseb dwar il-lealta tagħhom.
Fost dawk li jaħsbu li nqatlu hemm So Hong-chan li kien ilu biss fil-kariga ta’ Viċi-Ministru minn Novembru tal-2013. L-osservaturi innutaw li So Hong-chan ma kienx preżenti meta Kim Jong-un, fl-aħħar jiem, żar il-kumpless ta’ Kumsusan fejn hemm il-katavri bbalzmati ta’ missieru, Kim Jong-il u nannuh, Kim il-Sung, li kien waqqaf is-Stat komunista.
So Hong-chan kien deher diversi drabi ma’ Kim Jong-un waqt żjarat simili preċedenti u l-aħħar darba li hu deher fil-pubbliku kien waqt waħda miż-żjarat tad-dittatur f’inħawi fejn hu, is-soltu, ‘jagħti l-pariri lin-nies’.
Sadanittant, l-aħħar indikazzjonijiet huma li aktar uffiċjali militari ewlenin tal-Korea ta’ Fuq qed iħallsu b’ħajjithom, fuq l-ordnijiet speċifiċi ta’ Kim Jong-un, talli huma fallew milli jżidu l-‘allowances’ tar-ross għas-suldati tar-reġim.
//= $special ?>