L-investiment propost tal-Universita’ Amerikan qajjem numru kbir ta’ mistoqsijiet, li juri biċ-ċar il-mod kif l-istudenti tħallew fid-dlam.
Kliem il-President tal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji Gayle Lynn Callus, li f’diskors staqsa numru ta’ mistoqsijiet dwar il-proġett propost fiż-żona Ta’ Żonqor. Callus kien wieħed mill-mistednin matul il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Gayle Lynn Callus staqsa għaliex kellhom ikunu l-għaqdiet non-governattivi li tkellmu l-ewwel kontra l-iżvilupp f’zona ODZ meta suppost hemm il-MEPA li għandha dan l-irwol. Staqsa wkoll għaliex ma’ kien hemm l-ebda entita’ jew ministru li sab il-ħin li jikkonsulta mal-istudenti dwar ir-riforma fl-edukazzjoni fosthom dwar dan l-iżvilupp.
Waqt id-diskors tiegħu, il-President tal-KSU appella lill-politiċi biex jisimgħu liż-żgħażagħ bis-serjeta’ u mhux sempliċiment jużaw liż-żgħażagħ biex ipoġġu wara l-mexxeja fil-mass meetings, jew inkella biex jieħdu s-‘selfies’ magħhom, filwaqt li saħaq li ż-żgħażagħ m’humiex il-futur, iżda l-preżent u għandhom ideat għall-preżent.
Appella lill-politiċi żgħażagħ biex ikunu assertivi: “tkunux il-politiċi li l-voti jiddeterminaw l-azzjoni, iżda ħallu l-azzjoni jiddeterminaw il-voti,” sostna l-President tal-KSU, filwaqt li tenna li l-lealta’ ma tfissirx li l-politiċi m’għandhomx ikunu onesti. Saħaq li l-onesta’ tista’ tħalli nifs ġdid fl-istorja ta’ pajjiżna.
//= $special ?>