Lokali

L-Isvezja tirbaħ il-Eurovision Song Contest; Malta tikklasifika fil-ħdax-il post tas-semi-finali

Fis-semi-finali Malta klassifikat fil-ħdax-il post

Hekk kif fl-aħħar ħin ġew ippubblikati r-riżultati kollha tal-Eurovision Song Contest, irriżulta li l-kanzunetta Maltija klassifikat fil-ħdax-il post tas-semi-finali b’43 punt. Il-ħdax-il post ma kienx biżżejjed biex Malta tikkwalifika għall-finali, għaliex għas-serata finali għaddew għaxar pajjiżi.

Malta kisbet l-akbar ammont ta’ voti mingħand il-Montenegro u l-Israel, li taw lil pajjiżna 10 punti. San Marino taw 7 punti lil Malta. Ir-Repubblika Ċeka taw 4 punti lil pajjiżna.

L-Irlanda u l-Awstralja, li ħa sehem għall-ewwel u l-aħħar darba, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 edizzjoni tal-Eurovision, taw 3 punti lil pajjiżna.

Malta kisbet 5 punti mingħand ir-Renju Unit u punt wieħed biss mingħand l-Italja.

Intant, l-Isvezja kien il-pajjiż rebbieħ fis-60 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, li l-finali tiegħu saret ilbieraħ filgħaxija. Il-kanzunetta ‘Heroes’ ġiet fl-ewwel post wara li kisbet 365 punt.

Ir-Russja klassifikat fit-tieni post filwaqt li l-Italja, li pajjiżna tah it-tnax-il punt tiegħu, klassifika fit-tielet post.

Is-serata finali saret wara żewġ serati oħra semi-finali li saru t-Tlieta u l-Ħamis li għadda. Malta pparteċipat fit-tieni semi-finali ta’ nhar il-Ħamis bil-kanzunetta ‘Warrior’, iżda m’għaddiex għall-finali tal-bieraħ.

L-Awstralja, klassifika fil-ħames post bil-kanzunetta ‘Tonight Again.

U l-Awstrija, l-pajjiż li fih sar il-Eurovision wara r-rebħ tal-festival is-sena li għaddiet spiċċa fl-aħħar post meta ma rnexxielu jikseb l-ebda punt.