RALLY: Jari-Matti Latvala tal-Volkswagen għeleb lil sieħbu tal-istess tim u lider tal-kampjonat mondjali Sebastien Ogier biex rebaħ ir-rally tal-Portugall.
Latvala beda l-aħħar tappa tal-ħames round mill-kampjonat tal-2015, 9.5 sekondi fuq Ogier u waqtv li ċeda biss 1.7 sekondi lill-Franċiz fl-ewwel fażi, irkuprah u reġa’ kabbru għal 10.3 sek li kellu bżonn biex kiseb ir-rebħa.
Kienet l-ewwel rebħa tiegħu sa minn meta rebaħ ir-rally ta’ Franza f’Ottubru tas-sena l-oħra. Kienet ukoll l-ewwel darba tiegħu fuq il-podju dan l-istaġun u l-ewwel punti sa mill-ewwel rally tal-istaġun f’Monte Carlo wara erba’ rounds li fihom kellu wirjiet negattivi fl-Iżvezja, l-Messiku u l-Arġentina.
Intant is-sewwieq tal-Volkswagen Motorsport II, Andreas Mikkelsen daħal it-tielet biex il-VW iddominaw l-ewwel tliet postijiet. Is-sewwieq Norveġiż kien kważi dejjem fit-tielet post fuq Polo.
Il-Britanniku Meeke frisk mis-suċċess tiegħu fl-Arġentina kien l-uniku sewwieq li ta sfida lit-timijiet tal-Volkswagen imma tilef ċans li jispiċċa fuq il-podju meta fl-aħħar jum tilef il-ħin wara li nkisritlu l-anti-roll bar.
L-eks sewwieq tal-F1 Robert Kubica daħal fid-disa’ post fir-ritorn tiegħu wara li tilef ir-rally tal-Arġentina.
//= $special ?>