Lokali

Żvelati: l-akkużi li l-eks Kummissarju tal-Pulizija ddeċieda li jissospendi u jirtira kontra eks klijent tiegħu

Fi tweġiba għall-artiklu li kien pubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-ġurnal il-Mument u li kien jikkwota lix-Shadow Minister Jason Azzopardi,l-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit kompla jaħbi l-fatti magħrufa kif irriżultaw mir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni li ħatar il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali dwar il-każ li jmur lura għas-7 ta’ Ġunju tal-2013 li jinvolvi lil Pietru Pawl Zammit direttament meta “kien hemm deċiżjoni unilaterali tal-Kummissarju tal-Pulizija” u bla “ebda spjega jew ġustifikazzjoni għas-sospensjoni u għall-irtirar” tal-akkużi kontra Josmar Agius kif dikjarat mill-Bord li għamel l-inkjesta.

Il-każ jinvolvi lil raġel minn Marsaxlokk, Laburist akkanit, eksklijent tal-eksKummissarju Pietru Pawl Zammit, meta fis-7 ta’ Ġunju tal-2013 filgħaxija daħal fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar li skont xhieda mogħtija lill-Bord minn Surġent tal-Pulizija li kien preżenti l-Għassa jingħad: “meta s-Sur Agius daħal l-għassa, kien hemm ġewwa l-uffiċċju xi persuni li kienu bil-qiegħda mal-iskrivanija jagħmlu rapport, iżda Agius ma riedx jistenna wara n-nies preżenti; beda jgħolli leħnu, daħal wara l-iskrivanija tal-pulizija minn bieb ieħor, sabbat il-kaxxa tal-mobajl mad-desk, u beda jgħid li se jirrappurthom… is-Sur Agius qal li ser iċempel lil ‘Pietru Pawl’, u rrefera wkoll għal fizzjal ieħor għoli fil-korp bil-laqam. Fil-fatt instema’ jagħmel telefonata lil xi ħadd u jikkummenta kontra ‘x-xift li għandek fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar.”

Mix-xhieda quddiem il-Bord li ta l-eks Kummissarju tal-Pulizija, Pietru Pawl Zammit ikkonferma kif hemm fir-rapport: “is-Sur Agius kien eks klijent tiegħu, u kkonferma li kien ċempillu dak il-ħin stess tal-inċident. Ikkonferma wkoll li ħa interess personali fil-każ…”

B’rabta ma’ dan l-inċident u b’referenza għat-tgħawwiġ tal-fatti mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit, ix-Shadow Minister tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Ġustizzja qiegħed jiżvela ma’ il-mument l-akkużi li kienu diġà nkitbu mill-Pulizija kontra Josmar Agius.

Niżvelaw l-akkużi li ġew sospiżi minn Pietru Pawl Zammit

Mitlub jikkummenta mill-ġurnal il-Mument, Jason Azzopardi qal li l-kopja tal-akkużi li qegħdin jiġu pubblikati għall-ewwel darba kienu diġà mikuba mill-Pulizija, stampati u mpoġġija fil-file tal-Pulizija iżda ma nħarġux wara li waqqafhom unilateralment Pietru Pawl Zammit.

B’referenza għat-tweġiba li ntbagħtat lil din il-gazzetta minn Zammit, ix-Shadow Minister Azzopardi stqarr li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Zammit mhux biżżejjed instab li ma qalx il-verità quddiem il-Bord ta’ Inkjesta, iżda issa jidher li għandu bidu tat-telf tal-memorja; il-problema li jiftakar x’inhi tassew il-verità.”

  • L-ewwel akkuża hija li Josmar Agius, l-eks klijent ta’ Pietru Pawl Zammit, volontarjament kiser il-buon ordni u l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
  • It-tieni akkuża hija li Josmar Agius inġurja u hedded erba’ persuni (membri tal-Korp tal-Pulizija) nkarigati skont il-liġi minn servizz pubbliku waqt li kienu qed jagħmlu jew minħabba li kienu qed jagħmlu dak is-servizz bil-ħsieb li jbeżżagħhom jew li jinfluwixxi fuqhom kontra l-liġi fit-twettiq ta’ dak is-servzz.
  • It-tielet akkuża hija li Josmar Agius ma obdiex l-ordnijiet ta’ wieħed mill-pulizija li kien qed jaqi dmiru fl-għassa tal-pulizija ta’ Marsaxlokk jew ma ħalliehx jew fixklu fil-qadi ta’ dmirijietu jew b’xi mod ieħor bla ma kellu jedd ndaħal fi dmir il-pulizija.

cutting A

Mir-rapport tal-inkjesta jirriżulta li“d-deċiżjoni (tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit) li jiġu sospiżi u rtirati l-proċeduri kienet waħda arbitrarja, speċjalment meta jitqiesu l-pariri kollha kuntrarji li ngħataw.” Ir-rapport iżid jgħid li “ġaladarba din id-deċiżjoni ttieħdet, kellha, tiħi spjegata u kkomunikata formalment permezz ta’ nota fil-file li tagħti r-raġunament u l-ġustifikazzjoni għaliex inħass li kellha tittieħed. Il-komunikazzjoni mal-media, fejn każ twaqqaf għax l-akkużi ‘ma kienux ġustifikati’ (kif qal l-eks Kummissarju tal-Pulizija), jiġi deskritt xhur wara bħala ‘a delicate case’, żgur li ma kenitx ideali.”

Ta’ min isemmi li l-ewwel u t-tielet akkuża meta kien żvelat il-każ pubblikament kienu diġà ġew preskritti għax il-liġi tobbliga li fejn jirrigwarda akkużi bħal dawk, hemm limitu ta’ tliet xhur minn meta jkun seħħ l-allegat każ biex il-Pulizija tipproċedi quddiem il-Qorti iżda dan ma setax iseħħ minħabba li l-akkużi tal-Pulizija kienu ġew sospiżi mill-eks Kummissarju tal-Pulizija.

Fil-21 ta’ Lulju tal-2014, fix-xhieda li ta s-Supretendent Bartolo kien stqarr li “kien ħassu nkwetat” u meta kien mistoqsi mill-Bord għaliex ħassu nkwetat, hu wieġeb: “l-affarijiet ma kellhomx isiru hekk, għax il-fatt li jiġu sospiżi l-akkużi kien qed jipperikola illi l-każ jiġi preskritt, kif fil-fatt ġara, u li ma kienx tajjeb għal-morale u s-serjetà tal-Korp illi jittieħdu deċiżjonijiet li jwaqqgħu dak li jkun sar fl-għassa.”

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li d-deċiżjonijiet arbitrarji li ħa f’dan il-każ l-eks Kummissarju tal-Pulizija hija sitwazzjoni perikoluża, minflok għżel li joqgħod ‘il bogħod minn każ li jinvolvi eks klijent tiegħu.