“Biex tħaddan valuri tajbin la hemm għalfejn tkun Kattoliku u lanqas konservattiv.”
Kliem it-tabib u kantant Gianluca Bezzina li f’post fuq Facebook għamilha ċara li d-diskors tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ma kienx attakk fuq l-omosesswali u li għamel id-diskors tiegħu bħala persuna indipendenti mill-politika.
“Fid-diskors qatt ma ssemmew civil union rights (dritt mistħoqq lil minorità, hi min hi, dejjem huwa moralment korrett) u lanqas ma ntefa’ kulħadd fl-istess keffa ta’ nisrani,” qal Bezzina fuq Facebook.
Tenna li huma ħafna dawk li sfortunatament il-kelma morali jħalltuha ma’ reliġjon, jew inkella, jekk persuna taċċetta stedina biex twassal l-opinjoni tagħha, bilfors trid tidher li qed ‘tiċċappas’ politikament.
Kompla li “hija l-mentalità konservattiva ta’ ħafna – dawk li jippruvaw dejjem jinterpretaw kulma jintqal bin-nuċċali konservattiv tagħhom ta’ ‘laburist’, ‘nazzjonalist’, ‘ateist’, ‘nisrani’, ‘opportunist’, ‘fanatiku’, ‘omosesswali’, ‘eterosesswali’, eċċ. Ilkoll nafu li l-umanità hija ħafna aktar kumplessa minn hekk.”
Fil-post tiegħu fuq Facebook, Gianluca Bezzina ppreċiża li d-diskors tiegħu “sempliċiment jagħti parir newtrali lil kwalunkwe partit fl-Oppożizzjoni (mhux neċessarjament f’Malta) biex jibqa’ jżomm sodi l-prinċipji tiegħu (xi ħaġa li għandu jkollu kull partit, bħalma għandu jkollha kull kumpanija, istituzzjoni, organizzazzjoni, eċċ) u ma jċedix dawn il-prinċipji biex jakkwista l-voti, anke jekk ikollu jistenna aktar minn ħames snin sa ma jmissu jiggverna.”
Dan filwaqt li ppreċiża li “la l-kelma prinċipji u lanqas morali m’għandhom qatt jiġu interpretati bħala konservattiviżmu reliġjuż. Ir-rispett lejn l-umanità għandu jiggwida l-morali, bħalma, wara kollox, ir-rispett lejn ħaddieħor jiggwida l-manjieri,” stqarr Bezzina.
Gianluca Bezzina għamilha wkoll ċara li m’għandu l-ebda interess li jkun involut fil-politika għax xogħolu jogħġbu u jagħmlu bil-qalb. “Id-diskors kellu iktar iservi ta’ parir sottili għall-politikanti kollha, taż-żewġ naħat, biex ikunu iktar sodi fejn jidħlu morali minflok nitkaxkru mal-bqija tad-dinja.”
//= $special ?>