Is-sid tal-propjetà fi Triq Gruwa, fejn ftit tal-ġimgħat ilu sar xogħol fuq żewġt ikmamar minn ħaddiema u b’materjal tal-Gvern, dalgħodu mar fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’Għawdex. Hu kien akkumpanjat minn Keith Vella Muscat, li hu Uffiċjal għoli fil-Ministeru għal Għawdex.
Mhux magħruf x’kien l-iskop ta’ din iż-żjara, għalkemm sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li mhux eskluż li ż-żjara saret f’tentattiv biex jaraw x’se jagħmlu biex jostru dak li ġara wara li l-istorja ġiet żvelata fil-ħarġa tal-bieraħ tal-gazzetta Il-Mument.
Il-Mument żvelat kif fil-ġimgħat li għaddew kienu nbnew żewġt ikmamar minn ħaddiema u b’materjal tal-Gvern biswit Triq Gruwa u fit-tarf ta’ għelieqi privati. Kien żvelat ukoll li x-xogħlijiet ta’ bini fuq dawn iż-żewġt ikmamar sar meta fi Triq Gruwa kien għaddej xogħol ta’ tħaffir ta’ trinek u xogħol ieħor biex għadda l-main tal-ilma u għalhekk ix-xogħol kien ippjanat biex ma jagħtix fil-għajn.
Il-każ żvelat ilbieraħ hu ħolqa oħra f’katina twila ta’ xogħlijiet b’ħaddiema u b’materjal tal-Gvern li saru fl-aħħar sentejn fil-privat lil persuni qrib il-Ministru Anton Refalo, li min-naħa tiegħu qed ikun investigat mill-Pulizija b’rabta mal-istess abbużi flagranti.
//= $special ?>