“Ix-Xandir tal-Istat, li hu mħallas mit-taxxi tal-poplu, sfortunatament hu mmexxi minn Bord Editorjali li jxaqleb lejn il-Partit Laburista”. Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem għall-pluraliżmu u l-libertà ġurnalistika, Simon Busuttil qal li l-poplu jippretendi li x-xandir imħallas mit-taxxi ta’ kulħadd ikun imparzjali u bilanċjat. Qal li l-imparzjalità u l-bilanċ ġurnalistiku hu diffiċli f’pajjiż bħal tagħna, fejn jeżistu stazzjonijiet immexxija mill-politiċi.
Madankollu, hawn ukoll media verament indipendenti u oħrajn li suppost huma indipendenti, bħalma hu l-każ tax-Xandir tal-Istat.
Min-naħa tiegħu, ir-rispett lejn il-ġurnalisti u x-xogħol tagħhom kien fil-qofol tal-President il-ġdid tal-IĠM Karl Wright. Il-laqgħa mill-IĠM hi waħda minn sensiela li qed isiru mal-partiti politiċi u l-Kmamar tal-Aħbarijiet, bl-għan li l-Istitut imwaqqaf 26 sena ilu, jisma’ lill-ġurnalisti u jirrikonoxxi l-ħidma tagħhom.
Din il-laqgħa saret ukoll fl-isfond ta’ żewġ biċċiet ta’ arti mill-artisti Joseph Navarro u Jessica Debattista, li ttellgħu fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista wara inizjattiva li ħa Simon Busuttil biex jagħti spazju lill-artisti.
Żewġ pitturi oħra huma esebiti fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament il-ġdid.
//= $special ?>