Il-Pulizija Malasjana qalet li nstabu siti fejn hu suspettat li hemm mill-inqas 139 qabar ta’ immigranti. Is-sejba seħħet fi 28 zona indikati bħala kampijiet tat-traffikanti tul il-fruntiera komuni mat-Tajlandja.
Il-Kap tal-Pulizija Nazzjonali, Khalid Abu Bakar, qal li wħud mill-oqbra, li ilhom jinstabu mill-11 ta’ Mejju, jista’ jkun fihom aktar minn katavru wieħed.
Dawn is-siti makabri jinsabu fil-limiti ta’ reġjun tat-Tajlandja fejn, aktar kmieni fix-xahar, kienet saret sejba oħra ta’ qabar. Fil-fatt, l-aħħar rapporti qalu li s-sejba l-ġdida tal-kampijiet tat-traffikanti, f’zona ta’ xi 50 kilometru fl-artijiet tal-fruntiera, saret fi nħawi li huma biss ftit mijiet ta’ metri ’l bogħod mill-oqbra misjuba fit-Tajlandja.
It-Tajlandja, maż-żmien, ħadet miżuri biex tagħlaq uħud mir-rotot li kienu qed jużaw it-traffikanti biex imexxu lill-immigranti mill-artijiet tagħha. L-inizjattiva ġiegħlet lit-traffikanti jużaw ir-rotot tal-baħar għat-trasferiment tal-immigranti, iżda eluf minn dawn in-nies spiċċaw iżolati wara li sfaw abbandunati mill-istess traffikanti, u l-ebda pajjiż ma aċċetta li jdaħħalhom.
//= $special ?>