Lokali Saħħa

Konrad Mizzi jsostni li anke John Dalli għandu jerfa r-responsabbiltà dwar Mater Dei

Il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne isostnu li hemm diversi persuni li għandhom jerfgħu responsabbiltajiet dwar il-każ tal-konkos fl-Isptar Mater Dei, inkluż l-eks Ministru John Dalli. Din id-dikjarazzjoni għamluha f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha Chris Fearne beda biex qal li l-konkos difettuż fid-Dipartiment tal-Emerġenza ntefa’ fl-ewwel nofs tal-1996.

Is-Segretarju Parlamentari qal li orġinarjament il-pjani kienu li l-binja tkun tista’ tiġi estiża u mkabbra. Filwaqt li rrefera għar-rapport tal-kumpanija Arup, Fearne qal li din sostniet li kien impossibbli li l-konkos difettuż kien sar bi żball. Żied li l-Arup ikkonkludew li dan hu konkos li bħalu jintuża’ f’pajjiżi tat-tielet dinja.

Is-Segretrjru Parlamentari Fearne qal ukoll li l-waiver hi skandlu u għandha tingħata spjega jekk din kinitx approvata mill-Kabinett ta’ dak iż-żmien u jekk inkisbux pariri legali dwarha, fosthom mingħand l-Avukat Ġenerali. Hu attakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li skontu qed jiġi jaqa’ u jqum mis-saħħa u s-sigurtà.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi staqsa fejn marret id-differenza fil-flus għall-konkos, filwaqt li sostna li l-ispiża għat-tiswijiet meħtieġa issa tista’ titla’ għal €50 miljun. Qal li l-waiver kienet iffirmata fid-19 ta’ Frar 2009 u staqsa għaliex Skanksa kienu eżonerati mir-responsabbiltajiet. Staqsa wkoll għaliex ingħatat il-waiver, għaliex l-eks Ministru Tonio Fenech qal lil The Times li ma kienx sorpriż, x’kienu jafu l-eks Ministru Joe Cassar u l-eks Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tiegħu Claudette Buttigieg.

Il-Ministru tas-Saħħa attakka lill-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) Brian St John u qal li l-closure agreement kien qed jiġi negozjat mill-Perit Paul Camilleri. Il-Ministru staqsa għaliex il-FMS iffirmat il-ftehim tal-waiver ma’ Skanska u għaliex St John issa kien maħtur Kap Eżekuttiv tal-kumpaniji tal-Partit Nazzjonalista. “Mela issa l-kont tal-konkos jintbagħat lill-PN!”, irrimakra l-Ministru Mizzi.

Mistoqsi dwar ir-responsabbiltà tal-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien John Dalli, il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi qal li l-inkjesta qed tikkunsidra lil kulħadd. Għalhekk, kulħadd, inkluż l-eks Ministru Dalli, għandu jirrispondi. Filwaqt li qal li l-inkjesta li qed jagħmel l-eks Imħallef Sciberras se tkun qed tagħti ħafna tweġibiet, il-Ministru Mizzi qal li se tkun l-inkjesta li se tistabilixxi min kienu l-kuntratturi u f’liema perjodu ntefa’ l-konkos difettuż.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li l-kuntratt li jinkludi l-waiver kien iffirmat mill-Perit Paul Fenech f’isem il-FMS, Uffiċjal ta’ Skanska u Joseph Fenech f’isem Blockrete Ltd. Kompla li l-Gvern se jieħu l-pariri legali dwar jekk dan il-kuntratt għandux ikun ippreżentat fil-Parlament.