Il-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi, sostna li l-belt ta’ Ramadi tista’ tinħataf lura lill-militanti tal-ISIS fi kwistjoni ‘ta’ ġranet’. Intant, hu enfasizza li l-Gvern tiegħu jinħtieġ aktar appoġġ mill-pajjiżi msieħba fil-koalizzjoni internazzjonali anti-ISIS.
Il-qawwiet Iraqqin, fl-aħħar sena, sofrew numru ta’ disfatti militari fil-konfront tal-ISIS u ftit tal-jiem ilu spiċċaw jirtiraw minn Ramadi meta l-militanti kienu qed iwettqu offensiva qalila fuq l-inħawi.
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Ashton Carter, sadanittant, qal li l-qawwiet Iraqqin ‘m’għandhomx id-determinazzjoni li jirreżistu lill-ISIS’. Hu anki akkuża lill-Iraqqin li ‘ddeċidew li jirtiraw minkejja li l-ammonti tas-suldati kienu jissuperaw in-numru tal-militanti’.
Iżda Abadi qal li qed iħossu sorpriż bil-kummenti ta’ Carter u jinsab ċert li ‘waslitlu l-informazzjoni żbaljata’. Fl-istess ħin, hu spjega li l-Gvern tiegħu stazzjona l-milizzji Xiti fiz-zona speċifika biex iwaqqfu lill-ISIS, filwaqt li esprima fiduċja li ‘l-belt ta’ Ramadi se tirritorna mill-ġdid taħt il-kontroll tiegħu’.
Fi tmiem il-ġimgħa, il-milizzji Xiti ħadu f’idejhom l-inħawi ta’ Husayba, fil-Lvant ta’ Ramadi, li qabel kienu okkupata mill-ISIS. Madankollu, il-Prim Ministru Abadi qal li l-Iraq jeħtieġ aktar appoġġ internazzjonali peress li ħafna ġiħadisti tal-ISIS qegħdin javvanzaw mill-Iraq lejn is-Sirja ‘waqt li jintroduċu t-tattiċi ġodda għall-battalji’.
//= $special ?>