Lokali Qorti

L-eks CEO tal-FMS bi protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) Brian St John ċaħad allegazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Ministru Konrad Mizzi dwar il-waiver fil-kuntratt mal-kumpanija Skanska fil-bini tal-Isptar Mater Dei.

Fi protest ġudizzjarju, Brian St John irrefera għall-allegazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi, li qal li St John kien qafel jew ħeba f’safe dokumenti relatati mal-kontroversja dwar il-bini tal-Isptar Mater Dei. Ilbieraħ, waqt programm televiżiv, Konrad Mizzi allega li St John kien iffirma kuntratt li permezz tiegħu Skanska Malta Joint Venture ibbenefikaw minn waiver tar-responsabbiltà b’konnessjoni mal-bini ta’ Mater Dei.

Brian St John sostna li mill-kliem użat mill-Ministru Mizzi, hu ċar li kien qed jimplika xi tip ta’ repsonsabbiltà fil-konfront tiegħu u li kellu xi skopijiet politiċi. Sostna li l-allegazzjonijiet ta’ Konrad Mizzi huma għal kollox mhux veritieri għax hu qatt ma kellu kontroll fuq xi safe waqt li kien il-Kap Eżekuttiv tal-FMS.

Brian St John iddikjara li hu qatt ma ħeba jew ikkawża li jiġu moħbija dokumenti jew informazzjoni. Dan filwaqt li hu beda jaħdem mal-FMS aktar minn sena wara li l-Isptar kien ingħadda lill-Gvern. Brian St John sostna li d-dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-każ lanqas ma kienu fil-kontroll tiegħu.

Fil-protest, St John spjega li hu rriżenja minn Kap Eżekuttiv għax kien imġiegħel jitlaq u mingħajr ma kien miltub jagħti handover. Sostna li hu qatt ma kellu involviment mal-bini jew mas-sorvelja tal-bini, ħlief bil-pariri tekniċi u legali kollha neċessarji. Il-kuntratt bil-waiver ma ġiex iffirmat minnu.

Brian St John qal li jidher ċar li l-Ministru Mizzi mhux biss hu inveritier fir-rigward tiegħu, iżda wkoll qed jattwa tattika politika biex jipprova jħammġu minħabba li dan issa hu impjegat mal-kumpaniji tal-Partit Nazzjonalista.

Ilbieraħ stess, il-Prim Ministru rrepeta fil-pubbliku d-dikjarazzjoni mhux veritiera li St John ħeba l-kuntratt bil-waiver. Din l-asserzjoni tal-Prim Ministru hi għal kollox inveritiera u magħmula bl-istess skop tal-Ministru Konrad Mizzi.

Fil-protest, Brian St John talab lill-Prim Ministru u lill-Ministru Mizzi biex jirtiraw l-allegazzjonijiet li għamlu fil-konfront tiegħu, filwaqt li jitolbu apoloġija dwar il-malafama kkaġunata.