F’ruling li ta l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti llejla, iddikjara li s-Sedja ma tistax tikkanċella jew tindaħal deċiżjoni ta’ Chairman tal-Kumitat għaliex hu responsabbli minn dak li jseħħ fil-Kumitat.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ntalab jagħti deċiżjoni dwar kwistjoni li qamet dwar il-proċedura li mexa biha ċ-Chairman tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi presedut mid-Deputat Nazzjonalista Tonio, li rrimarka fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għaddiet mal-Ispeaker li hu mexa mal-proċeduri u li membri tal-gvern ma jistgħux jippermettu lill-Kumtat jindaħal fix-xogħol tal-Awditur Ġenerali.
Quddiem it-talbiet tal-membri tal-Gvern li lmentaw li ma ngħatawx iċ-ċans jesprimu argumenti b’rabta mad-diskussjoni li saret fl-istess Kumitat dwar kuntratt ta’ xogħol bejn il-GWU u d-Dipartiment tal-Artijiet, l-Ispeaker spjega li ċ-Chairperson għandu jasal għal kunsens dwar ix-xogħol tal-Kumitat u dwar dan, is-Sedja tħoss li l-atteġġjament m’għandux jiġi ripetut.
L-Ispeaker iddikjara wkoll li s-Sedja m’għandhix dritt tindaħal dwar terms of reference b’rabta ma’ talba għal investigazzjoni lill-Awditur Ġenerali.
Spjega wkoll li seta’ kien hemm lok ta’ diskussjoni dwar l-ittra b’rabta mal-investigazzjoni li ntalab jagħmel l-Awditur Ġenerali, u dan biex din titħalla timmatura. Iżda ddikjara anke fuq rulings preċedenti, li s-Sedja ma tistax tissindika u tindaħal fuq id-deċiżjon taċ-Chairman u li m’għandu jkun hemm ebda ndħil fit-terms of reference lill-Awditur Ġenerali .
Fid-deċiżjoni tagħha, is-Sedja analizzat u studjat dwar il-proċedura li ntużat fil-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari, u dwar jekk il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi jistax jintervjeni u jnaqqas jew iżid fuq it-terms of reference ta’ investigazzjoni li l-Awditur Ġenerali jkun mitlub jinvestiga.
Fid-deċiżjoni tal-Ispeaker, ittieħdet nota tat-traskrizzjoni ta’ dak li ntqal fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi u d-dokumenti relatati b’rabta mal-kwistjoni li qamet fil-Kumitat. Saret riferenza fit-tul għal dak li ntqal b’rabta mar-ruling mitlub mill-Ministru Edward Zammit Lewis, kemm mill-membri tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni.
Saret ukoll riferenza għall-Kostituzzjoni ta’ Malta b’rabta mal-funzjonijiet tal-Awditur Ġenerali.
Il-prudenza kienet titlob li d-diskussjoni setgħet titkompla fuq punti mqajma u saħaq li b’rieda tajba d-diskussjoni kellha tkompli u dan biex id-diskussjoni timmatura u jkun imbagħad wara, li ċ-Chairman jagħti d-direzzjoni meħtieġa kif kellu jsir.
//= $special ?>