Internazzjonali

Qattiel ta’ 3 ossessjonat bil-karattru ‘Wolverine’

Il-Pulizija fir-Renju Unit qed ifittxu raġel suspettat bħala l-qattiel ta’ tlett membri tal-istess familja u li jingħad hu ossessjonat bil-‘Wolverine’, wieħed mill-karattri tal-X-Men, li huma fost l-aktar produzzjonijiet famużi tal-Marvel Comics.

Il-Pulizija, intant, wissiet lill-pubbliku biex ma javviċinax lis-suspettat, Jed Allen, li għad għandu 21 sena filwaqt li ammettiet il-ħtieġa ‘li hu jinstab mill-aktar fis’.

L-investigazzjonijiet żvelaw li Allen kemm il-darba uża l-medja soċjali biex jesprimi interess fil-karattri ‘super-erojċi’ tal-comics, fosthom The Punisher u Venom; il-karattru malinn fi Spiderman.

L-allert għal Allen ħareġ wara li, fil-lejl tal-Ħadd, instabu l-katavri ta’ raġel, mara u tifla ta’ sitt snin f’dar ta’ Didcot, f’Oxfordshire. Intant, it-tfittxija qed tikkonċentra fuq l-inħawi ta’ Oxfordshire, bil-pubbliku jintalab biex jippreżenta kull tip ta’ informazzjoni li tista’ tgħin lill-pulizija f’dawn iċ-ċirkostanzi.