L-organizzazzjoni aditus ikkritikat l-aħħar dikjarazzjoni min-naħa tal-Gvern, li negozjanti mil-Libja se jingħataw viżas temporanji biex jiġu Malta għal negozju, hekk kif saħqet li din hi dikjarazzjoni oħra li Malta qed tagħmel “li jekk int sinjur tingħata trattament bit-tapit l-aħmar, imma jekk int refuġjat tintbagħat l-Italja jew tinqafel f’ċentru ta’ detenzjoni”.
L-organizzazzjoni Maltija qalet li dan l-aħħar atteġġjament flimkien mal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment imorru kontra l-appelli mill-UE kollha kemm hi għal aċċess sigur u legali għall-ħarsien ta’ refuġjati.
Sostniet li fil-prinċipju taqbel ma’ skemi b’vantaġġi ekonomiċi għal Malta u għal-Libja, għax itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet, imma sostniet li waqt li l-Gvern qed jiddiskuti x’għandu jagħmel, il-pajjiż qed jirċievi talbiet urġenti għall-għajnuna minn Libjani, Sirjani u oħrajn li qed jippruvaw jaħarbu minn djarhom minħabba persekuzzjoni u gwerer.
aditus għalhekk ħeġġet lill-awtoritajiet Maltin biex jittraduċu l-loġika wara din il-proċedura ta’ viżas temporanji f’għajnuna umanitarja biex jagħtu aċċess sigur u legali lil refuġjati biex jidħlu f’Malta.
//= $special ?>