Lokali Parlament

Adoloxxenti ta’ 14 u 15-il sena b’impjieg f’xogħol prekarju

L-ETC għandha tkun regolatur u ta’ skrutinju fuq il-prekarjat

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella lill-Gvern kif ukoll lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) jiġġieldu bis-serjetà l-prekarjat hekk kif semma li adoloxxenti ta’ 14 u 15-il sena diġà qegħdin fuq il-bank tax-xogħol f’impjiegi ta’ xogħol li ma joffrux kundizzjonijiet u ambjent ta’ xogħol xieraq.

Fid-dibattitu fil-Parlament dwar ir-rapport ta’ ħidma u l-estimi tal-ETC, id-Deputat Nazzjonalista saħaq dwar il-funzjoni importanti li għandha l-ETC, b’enfasi biex tindirizza u tiġġieled ix-xogħol prekarju u tara li ma jkunx hemm kumpaniji li qed iħaddmu impjegati meta suppost dawn għadhom studenti u jridu jattendu l-edukazzjoni obbligatorja.

Irridu naraw ukoll li x-xogħol ikun ta’ kwalità u li nħarsu lejn ix-xogħol li jkun wieħed qed jagħmel, u li dan ikun qed jistma lill-ħaddiem. Hawnhekk l-ETC għandha tkun regolatur u ta’ skrutinju fuq ix-xogħol prekarju għaliex qed naraw ħaddiema li jitħaddmu f’xogħol mhux diċenti. Dan mhux mil-lat finanzjarju biss iżda b’abbużi wkoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Semma li hawn ħafna ħaddiema b’kuntratti definiti fuq perjodu qasir ta’ xhur.

Semma li hawn każi ta’ adoloxxenti fl-età ta’ 14 u 15-il sena li diġà qegħdin fuq il-bank tax-xogħol u saħaq li f’dik l-età hu meħieġ tagħlim u edukazzjoni ta’ formazzjoni edukattiva li tagħti l-ħiliet bażiċi biex iż-żgħażagħ jippreparaw ruħhom għad-dinja tax-xogħol.

L-ETC għandha wkoll tħares biex ma jkollniex lanqas abbużi mis-servizzi soċjali.

Is-suċċess tax-xogħol dovut għas-suċċessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ
Stephen Spiteri qal li s-suċċess tax-xogħol f’pajjiżna hu dovut għas-suċċess li niksbu fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Semma li pajjiżna tul is-snin, dejjem ħaseb biex it-taħriġ ikun addattat u jagħti l-kapaċità lill-poplu biex ikun versatili fil-qasam tax-xogħol.

It-taħriġ hu investiment serju f’pajjiżna u hu għalhekk li l-ETC għandha rwol importanti u għandha tkun tal-aqwa kwalità f’dak li toffri bħala taħriġ. Staqsa jekk il-korsijiet ta’ taħriġ li qed jingħataw jirriflettux il-bżonnijiet ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol.

Taħriġ mill-ETC lil aktar minn 50,000 persuna fl-aħħar sitt snin
L-ETC fl-aħħar sitt snin tat taħriġ lil aktar minn 50,000 persuna u semma li hemm persuni oħrajn li jeħtieġu ħafna aktar appoġġ biex jimxu ‘l quddiem, bħalma huma l-persuni li daħħlu fil-vizzju li ma jsibux impjieg adatt għalihom. Appella wkoll biex nagħtu attenzjoni wkoll lill-persuni b’diffikultà intellettwali u mentali li jistħoqqilhom attenzjoni aktar biex jintegraw huma wkoll fid-dinja tax-xogħol.

Semma wkoll li għandhom jingħataw ukoll appoġġ adegwat dawk il-persuni li tul is-snin akkademiċi tagħhom kienu dejjem assistiti b’għajnuna speċjali biex huma wkoll jirnexxu u ma jintilfux.

Id-Deputat Nazzjonalista temm jgħid li l-istess attenzjoni adegwata għandha tingħata lil persuni li ma jlaħħqux mal-iżviluppi li qed li iseħħu fid-dinja teknoloġika u tal-informatika.