Żewġ xufiera ta’ karozzi tal-linja weġġgħu serjament wara li għal xi raġuni ttajru minn karozza tal-linja li telqet tiġri waħida.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9:30am, fil-Venda tal-Belt, bil-karozza tal-linja baqgħet nieżla sakemm ħabtet f’karozza ohra u barrier tal-konkos.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li l-karozza tal-linja kienet ipparkjata fil-venda meta ntlemħet miexja lejn sit ta’ kostruzzjoni fl-istess lok. Kif raw hekk, numru ta’ xufiera li kien hemm fil-viċin ippruvaw jirkbu fuq il-vettura biex iwaqqfuha imma kien kollu ta’ xejn għaliex ix-xarabank baqgħet mixja u laqtet iż-żewġt irġiel, kif ukoll għamlet ħsarat fuq żewġ karozzi pparkjati u għelbet grada u blokka tal-konkrit li kienet qed tagħlaq l-aċċess għal fejn qegħdin qed isiru x-xogħlijiet.
Ix-xufiera, raġel ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar u iehor ta’ 34 sena minn Birkirkara ittieħdu b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn kienu ċċertifikati li ġarbu ġrieħi gravi imma ma kienux fil-periklu tal-mewt.
Aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan.
Fi stqarrija, il-General Workers’ Union esprimiet is-solidarjetà tagħha maż-żewġ impjegati tal-Malta Public Transport li aktar kmieni dalgħodu weġġgħu meta ppruvaw iwaqqfu karozza tal-linja li għal xi raġuni bdiet mixja waħedha fit-terminus tal-Belt Valletta.
Il-GWU, filwaqt li tawgura lil David Buttigieg (xufier) kif ukoll lil Johan Spiteri (Depot Manager tal-MPT) fejqan ta’ malajr u tħeġġiġhom biex f’dan il-mument diffiċli jagħmlu kuraġġ, tapprezza l-ġest li għamlu li huwa xhieda tad-dedikazzjoni fix-xogħol li jwettqu ta’ kuljum.
//= $special ?>